Xitan anzjan jagħti pariri lil xitan żagħżugħ

C. S. Lewis kiteb The Screwtape Letters fi żmien il-gwerra f’forma ta’ 31 ittra li fihom Screwtape (xitan anzjan) jipprova jagħti lin-neputi tiegħu Wormwood pariri prattiċi u metodi ġodda kif ifixkel il-fidi ta’ raġel Ingliż li hu jirreferi għalih bħala ‘il-pazjent’ u li ftit qabel ikun tgħammed u sar Nisrani. Wormwood u Screwtape jgħixu f’dinja moralment maqluba ta’ taħt fuq. Għalihom il-gwadann personali u r-regħba huma meqjusa bħala l-aqwa ġid. Ħadd minnhom ma jista’ jifhem kif Alla għandu dik l-imħabba kollha għall-bniedem, u lanqas kif il-bniedem jista’ jiddeċiedi li jgħix tajjeb. Għaldaqstant, fl-ittri tiegħu Screwtape jirreferi għal Alla bħala ‘Għadu’ u għal Satana bħala ‘Missierna’.

Fl-ittri tagħhom tispikka d-differenza kbira fit-tattika użata minnhom it-tnejn. Wormwood, għalkemm aktar żagħżugħ, juża metodi aktar ‘tas-soltu’ billi jipprova jittanta lill-pazjent għal dnubiet ‘spettakolari’ u juża ħafna argumenti. Min-naħa l-oħra Screwtape jippreferi metodi aktar fini, u jħeġġeġ lil Wormwood iwaqqa’ lill-pazjent fil-bruda, fil-medjokrità u fil-passività.

Fl-ittra numru 22, Wormwood jaqla’ ħasla għax, minkejja ġimgħat sħaħ jipprova jqabbad lill-pazjent ma’ mara ta’ ħajja laxka, il-pazjent isir iħobb tfajla Nisranija. Fl-aħħar ittra nsiru nafu li l-pazjent imut waqt attakk mill-ajru, u jmur il-Ġenna. Wormwood kellu kastig jistennieh talli ħalla ruħ tiżgiċċalu minn taħt idejh. Din li ġejja hija verżjoni mqassra tal-ewwel ittra ta’ Screwtape. Naturalment ma hemmx isbaħ milli taqra l-ktieb kollu fl-oriġinal.

L-ittra tax-xitan anzjan

Għażiż neputi Wormwood,

Qed ninnota li qed tipprova twaqqa’ lill-pazjent bl-argumenti u bir-raġunamenti. Imma ż-żminijiet inbidlu. Illum għandna mezzi aktar moderni u effiċjenti. Jekk se toqgħod tuża ħafna r-raġuni, se tkun qed tilgħab fil-kamp tal-Għadu, li jafjargumenta wkoll – għalkemm fejn tidħol il-propaganda mhux kapaċi daqs ‘Missierna Li Hu Hawn Isfel’.

Anki jekk ċerti argumenti aħna kapaċi ndawruhom għall-iskopijiet tagħna, jekk se niġġieldu lill-Għadu bl-argumenti se nirriskjaw li nitilfu. Li rridu nagħmlu hu li nġiegħlu lill-pazjent jixxennaq għal affarijiet li jista’ jara, imiss b’idejh u jakkwista hawn u dal-ħin. Tidħolx f’argumenti dwar x’inhi realtà. Ikkonvinċih li r-realtà tikkonsisti fil-gost li jista’ jakkwista issa stess. Ftakar li l-Pazjent mhux bħalek, mhuwiex spirtu. U peress li aħna qatt ma konna bnedmin (ħeqq, dak hu l-vantaġġ enormi li għandu l-Għadu fuqna!) int ma tistax tirrealizza xi pressjoni l-ħajja ta’ kuljum kapaċi tagħmel fuq il-Pazjent. Ħa ngħidlek l-esperjenza tiegħi.

Darba kelli pazjent li kien ateu konvint. Kien iħobb jaqra ħafna, ifittex, jistudja u jgħarbel. Darba waħda, hu u jaqra, indunajt li bdiet tifforma katina ta’ ħsieb f’moħħu li setgħet spiċċat ħażin għalina. Naturalment l-Għadu ġera għal ħdejh biex jirbħu lejh. Dak il-ħin bżajt li għoxrin sena xogħol kienu se jisfumawli fix-xejn. Kieku tlift rasi, kont immur fuq id-difiża billi nuża l-argumenti … u żgur kont nitlef kollox. Imma jien m’iniex xi baħnan! Attakkajt dik il-parti tal-pazjent li l-aktar kelli kontroll fuqha. Fakkartu li kellu stonku vojt u li kien sar il-ħin biex imur jiekol xi ħaġa. Milli jidher l-Għadu induna u rribatta billi qallu li dan is-suġġett li kien qed jaqra fuqu kien aktar importanti mill-ikel. Qed ngħid ‘milli jidher’ għax, kif taf int, qatt ma tista’ tkun taf eżatt xi jkun qed jgħidilhom l-Għadu. Jien fesfistlu f’widnejh li s-suġġett li kien qed jaqra dwaru kien importanti ħafna, veru, tant li jixraqlu jkompli jaqra dwaru fuq stonku mimli u b’moħħ aktar frisk!

Irnexxieli! Il-pazjent malajr qam biex imur jitrejjaq – u l-battalja daret favurina! Komplejt naljenah billi wrejtu ħanut tal-gazzetti u karozza tal-linja. Sakemm tela’ t-tarġa tal-karozza kont diġà kkonvinċejtu li kienu x’kienu l-argumenti li ltaqa’ magħhom fil-ktieb, kienet ħafna aktar importanti li jkun b’saqajh nal-art. Fil-każ tiegħu dan kien ifisser l-aħbarijiet fuq il-gazzetta u biċċtejn sandwich. Dak il-ħin l-argumenti f’dawk il-kotba dehru irrilevanti. Illum dak il-pazjent jinsab f’dar ‘Missierna’.

Fhimtni? Li trid tagħmel hu li ġġiegħlu jiffoka fuq l-affarijiet ordinarji, dak li jidher, li jista’ jmiss b’idu ISSA. Tintilifx f’argumenti kontra l-Kristjaneżmu għax dawk jinkuraġġuh jaħseb dwar realtajiet li ma jistax jara jew imiss. Tinsiex li xogħlok hu li tħawdu. Minn kif nismagħkom titkellmu intom ix-xjaten żgħażagħ donnkom mingħalikom li xogħolkom hu li toqogħdu tgħallmu lill-bnedmin. Le, xogħolkom hu li tħawduhom!

Zijuk l-għażiż, Screwtape

Tista’ tara l-verżjoni diġitali ta’ FLIMKIEN billi tagħfas hawn.

Flimkien Settembru Cover