Xita ta’ rabja għall-mewt ta’ Miriam Pace wara tiġrif ta’ binja fil-Ħamrun

Aġġornat 08:47 PM
Miguela Xuereb

Matul il-lejl li għadda u kmieni dalgħodu, għexieren ta’ Maltin esprimew rabja kbira għall-mod li bih mietet Miriam Pace wara li darha ġġarfet fil-Ħamrun. Dan kien każ ieħor ta’ tiġrif ta’ binja maġenb sit tal-kostruzzjoni, li din id-darba ħasad il-ħajja ta’ omm ta’ żewġt itfal u miżżewġa, ta’ 54 sena.

Miriam Pace, il-mara li kienet nieqsa wara li ġġarrfet darha fil-Ħamrun, instabet mejta qalb it-tifrik għall-ħabta tal-10pm ilbieraħ filgħaxija. Il-katavru nħareġ fl-10.30pm. Il-vittma kellha 54 sena u kienet omm ta’ żewġ ulied. It-tfittxija damet għaddejja iżjed minn tmien sigħat. Żewġha deher fuq il-post jingħata s-sabar minn xi qraba. Ir-residenti l-oħra ġew evakwati.

“Irridu nsiru nazzjoni li jimxi mal-liġijiet” – Prof. Andrew Azzopardi

Il-Professur Andrew Azzopardi, id-Dekan tal-Fakultà għat-Tisħiħ tas-Soċjetà qal li jekk il-pajjiż irid jipprevjena dawn it-tip ta’ traġedji irid isir pajjiż li jimxi mal-liġijiet. Pajjiż li jżomm persuni fil-poter responsabbli u li juża liġijiet u regoli li huma aċċessibbli u magħrufa minn kulħadd.

“Tilfet ħajjitha intortament fil-kwiet ta’ darha” – Forum Unions Maltin

Il-Forum Unions Maltin innotat it-traġedja tal-Ħamrun fejn “ċittadina Maltija tilfet ħajjitha intortament fil-kwiet ta’ darha.” Il-Forum eżiġiet li l-awtoritajiet jieħdu passi konkreti biex inċidenti bħal dawn ma jseħħu qatt aktar fil-pajjiż u fl-istess waqt tintrefa r-responsabbiltà minn min ikkaġuna din id-diżgrazzja.

Il-Forum talab ukoll li jiġi sospiż b’mod immedjat l-avviż legali sabiex tiġi riveduta l-proċedura kollha bis-sehem tal-imsieħba kollha involuti.

“L-unika nies li qed jippruvaw jiggwadanjaw mill-qtil ta’ Pace huma dawk li kkawżawh” – Matthew Caruana Galizia

Iben il-ġurnalista assassinata Daphne Caruana Galizia, Matthew Caruana Galizia, qal li l-unika nies li qed jippruvaw jibbenefikaw mill-mewt ta’ Miriam Pace huma dawk li wasslu biex jikkawżaw dan il-mewt kawża tar-regħba u n-negliġenza. Hu appella lill-Ministru Ian Borg sabiex minflok jattakka lill-persuni li huma rrabjat jagħti titwila lejn il-mera u jistaqsi lilu nniffsu x’seta’ għamel hu biex jipprevjeni dan il-mewt.

“Ian Borg għandu jirreżenja” – PD

Il-Partit Demokratiku talab lill-partiti politiċi sabiex jissieħbu flimkien f’dan il-mument. Qal li l-Ministru Ian Borg għandu jerfa’ r-responsabbiltà fid-dawl ta’ din it-traġedja l-ġdida. Qal li dan ladarba kien hu li wettaq ir-riformi fis-settur.

 “Kollox insterqilhom u ma baqgħalhom xejn” – Delia

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia sostna li qed iħoss diversi emozzjonijiet, fosthom sogħba, niket u dwejjaq, imma anke rabja. Qal li lill-familja ta’ Miriam insterqilha kollox u ma baqgħalhom xejn. Qal li jgħid x’jgħid kulħadd, din il-mara qatt ma tista’ tiġi lura. Sostna li “jekk minn għada ma nagħmlu xejn insiru kollha kompliċi”.

Sogħba, niket u dwejjaq. Imma wkoll rabja. Kollox insterqilhom u ma baqalhom xejn. Ngħidu x’ngħidu ma nistgħu qatt…

Posted by Adrian Delia on Monday, March 2, 2020

“Din l-art ħelwa nimlewha mrar” – Bartolo

 Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin Evarist Bartolo sostna li “din l-art ħelwa nimlewha mrar meta nħallu pajjiżna jsir repubblika mibnija fuq ir-regħba u l-flus jiġu l-ewwel u qabel kollox, qabel il-ħajja u s-saħħa.

Il-jum it-tajjeb?Din l-art helwa nimlewha mrar meta nhallu pajjizna jsir repubblika mibnija fuq ir-reghba u l-flus jigu l-ewwel u qabel kollox, qabel il-hajja u s-sahha. Sahha u sliem?

Posted by Evarist Bartolo on Monday, March 2, 2020

“Qed japprofittaw minn traġedja biex jirbħu xi vot” – Borg

Il-Ministru għall-Infrastruttura Ian Borg qal fuq Facebook li hawn min qed jipprova japprofitta minn traġedja biex “jiggwadanjaw personalment, forsi jirbħu xi vot, forsi jiġġustifikaw l-azzjonijiet.” Hu sostna li “mietet mara, mietet omm. Ħalliet familja, ġirien, ħbieb, pajjiż imbikkem. Kull ħsieb u kull sforz bħalissa għandu jibda’ billi jagħraf u jirrispetta lil dawn il-vittmi.”

Hu insista li l-priorità bħalissa hija l-familja tal-omm u dawk kollha li qed ibtu minħabba din it-traġedja li “ma kinux qed jistennew”.

“Mhux mietet. Qatluha” – Aquilina

Il-Membru Parlamentar Karol Aquilina sostna li lil Miriam “mhux mietet” iżda “qatluha”. Hu esprima s-solidarjetà mal-familja tagħha f’dak li sejjaħlu “moment ta’ niket kbir”.

Mhux mietet. QATLUHA.Strieħ fis-sliem għażiża Miriam Pace. Solidarjetà mal-familja tagħha f'dan il-mument ta' niket kbir.Ritratt: Times of Malta

Posted by Karol Aquilina on Monday, March 2, 2020

 “Biex inkabbru l-ekonomija farrakna Maltija” – Micallef

Il-Membru Parlamentari Jean Claude Micallef sostna li “biex inkabbru l-ekonomija farrakna Maltija.” Permezz ta’ post fuq Facebook, hu tella poeżija li tesprimi r-rabja u d-dieqa li qed iħoss wara l-inċident fatali tal-bieraħ fil-Ħamrun. Il-poeżija tiegħu tgħid hekk:

“Biex inkabbru l-ekonomija
Farrakna Maltija.
Biex nirbħu sular
Fottejna l-ġar.
Mhux għall-ambjent
Nibnu vilment.
Ma tarax narrestaw perit
Kulħadd jaqla lira jrid.
Naħlu ħina nparlaw
Bla mal-problemi naffaċċjaw.
Għada forsi naraw ċar
Tal-bieraħ għadda u mar.
Malta ġojjell fil-Mediterran
Kulħadd kuntent. Kulħadd ferħan.”

“Il-ħajja tal-bniedem ħafna iktar importanti” – Agius

L-eks kandidat għal MEP Peter Agius qal li filwaqt li l-iżvilupp importanti, il-ħajja tal-bniedem ħafna aktar importanti. Qal li jħossu rrabjat ferm għall-mewt ta’ Miriam Pace. Hu qal li fil-fehma tiegħu hi kienet “vittma ta’ sistema ta’ traskuraġni bla skrupli.”

L-iżvilupp importanti. Il-ħajja tal-bniedem ħafna aktar importanti.Inħossni rrabjat ferm għall-mewt ta' Miriam Pace,…

Posted by Peter Agius on Monday, March 2, 2020

Għexieren b’rabja lejn il-periti u l-iżviluppatur

Għexieren ta’ persuni sebħu jesprimu r-rabja tagħhom lejn il-perit u l-iżviluppatur. Sostnew li “l-Maltin jitgħallmu biss meta tiġri xi traġedja.”

“Aħfrilna jekk tista’”

Oħrajn talbu lil Miriam sabiex taħfrilhom ta’ dak kollu li kellha tgħaddi minnu.

“Ma nafekx. Bħal ma jafekx min radmek” – Alex Vella Gregory

Lenten Reflection #006(English translation below)I was not planning on quoting anything I've written in these…

Posted by Alex Vella Gregory on Monday, March 2, 2020

“Assassini” – Cassola

Miriam Pace's assassins must pay for her killing Unfortunately, the dead body of a woman has just been found under the debris. Her greedy and heartless assassins must pay for this.Photo Times of Malta

Posted by Arnold Cassola on Monday, March 2, 2020

Il-kandidat indipendenti Arnold Cassola bagħat numru ta’ ritratti lill-midja li sostna li ġejjin mill-applikazzjoni tal-proġett. Qal li hija evidenti li fil-passat kien hemm min irrealiza li l-ħajt ma kienx sigur. Hu staqsa jekk din l-istruttura tneħħietx mill-kuntrattur jew minn xi ħadd. Qal li r-ritratti tat-traġedja ma juru l-ebda sinjal li l-istruttura kienet hemm qabel ma waqgħet.

“Ir-regolamenti mhux jipprovdu serħan il-moħħ” – Il-Kamra tal-Kummerċ

Il-Kamra tal-Kummerċ fi stqarrija qalet li huwa ċar li l-liġijiet, ir-regolamenti u s-sistemi ta’ infurzar mhux qed jirnexxilhom jassiguraw is-sigurtà tar-residenti, proprjetajiet ta’ terzi persuni u s-serħan il-moħħ tal-poplu Malti.

“Il-kriżi għadha ma ntemmitx” – Il-Kamra tal-Periti

Il-Kamra tal-Periti qalet li t-tliet proposti li għamlet lill-Gvern is-sena li għaddiet għadhom ma twettqux. Filwaqt li sar xi progress bit-twaqqif tal-Aġenzija tal-Bini u l-Kostruzzjoni, fadal ħafna xi jsir, skont l-NGO.

Hija qalet li l-kriżi għadha ma ntemmitx, u offriet l-għajnuna tagħha lill-Gvern sabiex isiru regolamenti li verament jagħmlu differenza.

“Dawk responsabbli jridu jaffaċċjaw il-konsegwenzi” – MDA

Fir-reazzjoni tagħha, l-Assoċjazzjoni tal-Iżviluppaturi Maltin ikkjarifikat li hi għaqda volontarja li tirrappreżenta lill-investituri u mhix ir-regolatur. Hija appellat lil dawk responsabbli biex jaffaċċjaw il-konsegwenzi.

Tkellmet ukoll fuq il-ħtieġa ta’ riformi “veri u b’infurzar iżjed tanġibbli.” L-Assoċjazzjoni żiedet tgħid li hu diżappuntanti li l-poplu għadu ma jafx min kien responsabbli għall-binjiet li ġġarrfu s-sena li għaddew. Qalet ukoll li huwa inaċċettabbli li perit ikun investitur fl-istess proġett.

Ritratti li juru r-rabja li qed tikber qalb il-pubbliku