Xita, ragħad u silġ: X’inhu ġej għal Malta llum?

Miguela Xuereb

Bassara indipendenti tat-temp qed jgħidu li llum Malta se tgħaddi minn maltempata kbira li tinkludi xita, ragħad u anke ħinijiet ta’ silġ.

Skont The Weather Page Malta, ix-xita għandha tibda għall-ħabta tad-9am. Din hemm ċans li tkun xita qawwija, bir-ragħad u anke silġ f’xi ħinijiet. L-akbar riskju huwa llejla. Hemm ċans ukoll ta’ xi għargħar f’ċertu żoni.

Intant issemma wkoll li se jqum riħ qawwi li jista’ jilħaq forza 10 sa wara nofsinhar. Dan ir-riħ jista’ jwasslu għal ħsarat fil-madwar. Il-baħar imbagħad qed jingħad li se jkun imqalleb bil-mewġ jilħqu sa 9 metri għoli sat-Tlieta filgħaxija. Skont il-bassara hemm ċans li l-ħidma tal-Gozo Channel ikollha tiġi sospiża minħabba dan.

Min-naħa l-oħra, bassara indipendenti oħra, Malta Weather, spjegat li t-temp mistenni jaqleb għall-agħar f’Malta u Għawdex iktar tard illum. Ir-riskji ewlenin huma xita qawwija u għargħar fil-postijiet tas-soltu fejn iżomm l-ilma sa kmieni għada filgħodu. Il-paġna bassret ukoll riħ b’qawwa ta’ riefnu forza 8 min-Nofsinhar il-Libċ għal għada. Mhux eskluż ukoll xi tromba fuq il-baħar jew fuq l-art illum wara nofsinhar.

Intant, l-Uffiċċju Metereoloġiku tal-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta wkoll ħabbar li t-temp għal lum għandu jkun imsaħħab bil-ħalbiet tax-xita bir-ragħad u bil-buffuri tar-riħ u bis-silġ kultant.