Xita f’Cape Town ukoll; in-nies joħorġu jitolbu

In-nies f’Cape Town fl-Afrika t’Isfel ferħu u rringrazzjaw ’l Alla hekk kif ħarġu fix-xita.
Filwaqt li f’Malta ħafna gergru minħabba x-xita, Cape Town, li hi milquta minn nixfa, ferħet hekk kif it-tbassir tat-temp irriżulta fi 8mm xita tant mistennija.
Ħafna kienu dawk li ħatfu l-opportunità biex jaħżnu l-ilma ‘żejjed’ biex issaqqu l-pjanti, inaddfu jew jiflaxxjaw it-tojlits.
Paseka ‘Mboro’ Motsoeneng, pastor, li mexxa t-talb għax-xita f’Cape Town, qal li t-talb tiegħu kien imwieġeb. 
Huwa lmenta li l-midja ma ħaditx bis-serjetà t-talb tiegħu u wieġeb li din hi konfermazzjoni li hu verament profeta u dak kollu li wiegħed lil Cape Town se jiġri.
Minkejja x-xita, iċ-ċans li l-problemi tal-ilma jissolvew huwa minimu.
Ir-residenti ilhom jistennew Day Zero tal-belt għal diversi xhur, iżda l-awtoritajiet dejjem imexxuha.
Day Zero hu dakinhar meta t-tappijiet tal-ilma għad-djar privati se jintfew u r-residenti se jkollhom imorru għall-ilma minn punti fejn l-ilma se jkun imqassam bir-razzjonijiet. Qed jiġi pproġettat li dal-jum se jasal fil-11 ta’ Mejju.
Ir-residenti kienu taħt ordni biex jissalvagwardjaw l-ilma biex jevitaw li l-ħażna tal-ilma tispiċċa. Dan għaliex hemm ċans reali li Cape Town se tispiċċa bla ilma. L-inżul tax-xita f’Cape Town ilu baxx għal dawn l-aħħar tliet snin.
F’Jannar l-awtoritajiet lokali poġġew limitu ta’ 50 litru kuljum fuq ir-residenti. L-ammont hu biżżejjed għal xawer qasira, tefgħa tal-ilma darba fit-tojlit u load tal-ħwejjeġ waħda fil-ġimgħa.

https://platform.twitter.com/widgets.js