Xiri ta’ vettura għal €1,908 ‘skont proċeduri tal-Gvern’

L-eks-Ministru tal-Finanzi Tonio Fenech sostna li meta, lejliet l-elezzjoni tal-2013, huwa xtara t-tieni karozza li kien juża bħala ministru, huwa mexa mal-proċeduri tal-Gvern.
Fi tweġiba għall-mistoqsija tad-Deputat Laburista Charles Farrugia, il-Ministru għall-Finanzi Edward Scicluna qal li l-predeċessur tiegħu, fl-2013 xtara l-vettura Honda CRV Estate għal €1,908. Huwa qal li din il-vettura kienet mixtrija mill-Gvern fl-2008 għal €25,401. Fenech, f'intervent separat, irrimarka li l-karozza inkwistjoni kienet inxtrat mill-Gvern fl-2004 u għalkemm seta', kieku ried, bidilha wara sitt snin, skont il-proċeduri tal-Gvern, huwa għażel li ma jagħmilx hekk biex ma jkunx ta’ piż fuq il-finanzi tal-pajjiż.
Fenech saħaq li l-valur tal-vettura ġie kkalkulat mid-dipartiment skont formola stabbilita li tintuża f’każi fejn uffiċjal pubbliku jew Ministru jixtri l-vettura li jkunu użaw fil-funzjoni tagħhom.
Innota wkoll li matul il-perjodu li huwa uża l-vettura inkwistjoni huwa kien iħallas it-taxxa fuqha.
Huwa talab lill-Ministru tal-Finanzi biex joħroġ korrezzjoni dwar id-data meta l-Gvern xtara l-vettura inkwestjoni kif ukoll biex jippubblika t-taxxa mħallsa fuq il-vettura.