X’inti? Piżellu, ġobnuż jew stramħabbat?

Sena wara sena jkompli jiżdied il-kliem ġdid bil-Malti.
Skont il-paġna Kelma Kelma fuq Facebook, amministrata minn Dr Michael Spagnol, l-2016 tatna dawn il-kliem u anki konnotazzjonijiet differenti ta’ kif nafuhom:
Piżellu: Mal-ħafna ħxejjex li nużaw biex ngħajru lil xi ħadd injorant, bħal qargħa, basla, ġidra u kaboċċa, bis-saħħa ta' Emmy Bezzina, żdiedu l-piżelli wkoll
Perf: Membru ta' grupp ta' żgħażagħ li tagħrafhom minn seba' mili bogħod minn xagħarhom u ħwejjiġhom; iħobbu jinġabru l-Belt, anzi l-Beltos, kif isibuha huma; nibtu bħala reazzjoni għal Tal-1k, grupp ieħor li biex tidħol fih irid ikollok elf like fuq ir-ritratt ta' Facebook
Blakafefobija: Il-biża' li jispiċċalek il-kafè u tibqa' qisek qlajt daqqa ta' trakk il-ġurnata kollha
Ħlewwa jew dnewwa: Id-drawwa li t-tfal lejlet il-festa tal-qaddisin kollha jilbsu kostum tal-biża' u jħabbtu l-bibien tan-nies biex jagħtuhom il-ħelu, bit-theddida li jagħmlulhom xi waħda minn tagħhom jekk ma jagħtuhom xejn #trickortreat
Stramħabbat: Meta tkun imħabbat ħafna, ikollok wisq x'tagħmel, meta tkun imxiegħel, mgħobbi bix-xogħol, tkun trid tlaħħaq m'Alla u max-xitan
Ġobnuż: Xi ħaġa sentimentali żżejjed, romantika wisq, xi ġest zokkri, jgħaxxik bil-ħlewwa; l-aħħar diska ta' Clinton Paul veru ġobnuża #cheesy
Skritratt: Ritratt ta' xi jkun jidher fuq l-iskrin tal-kompjuter, tat-televiżjoni, u l-bqija; ħadtlu skritratt u bgħatthulek issa #screenshot
Klixka: Titlu sensazzjonalista fuq l-internet tipo, Lanqas temmen x'jiġri jekk tikklikkja hawn, maħsub biex iwebblek tagħfas fuqu ħalli jikber l-ammont ta' żjarat f'xi sit partikolari #clickbait
X'taħseb li se jkun il-kliem il-ġdid tal-2017?
Illustrazzjoni: Kelsey May Connor