X’inhuma s-sintomi relatati mal-fibromijalġija?

Sintomi u rimedji minn Dr Georgiana Farrugia

Ritratt: Unsplash

Il-fibromijalġija fibromyalgia) hija kundizzjoni li hija kkaratterizzata minn uġigħ qawwi fil-muskoli, li primarjament ikun preżenti fuq iż-żewġ naħat tal-ġisem, f’partijiet kemm fuq u kif ukoll taħt il-qadd, bħall-ispalel, id-dirgħajn jew ix-xedaq, fis-saqajn, fl-għonq, fid-dahar,  fis-sider jew anke fiż-żaqq. Dan l-uġigħ normalment jibqa’ jippersisti għal aktar minn tliet xhur infila.

Sintomi oħra relatati mal-fibromyalgia huma l-għejja, minkejja li wieħed jaf ikun raqad ammont tajjeb ta’ sigħat kuljum. Mill-banda l-oħra, l-irqad jista’ jkun qed jiġi interrott minn perjodi ta’ wġigħ, bil-lejl. Xi pazjenti li jbatu bil-fibromyalgia jistgħu jesperjenzaw ukoll kundizzjonijiet oħra relatati mal-irqad, bħal ‘restless leg syndrome’ jew ‘sleep apnea’. Fl-aħħar, iżda mhux l-inqas, persuni li jbatu mil-fibromyalgia ġeneralment jirrappurtaw ukoll tibdil spiss fil-burdati, jew saħansitra, nuqqas ta’ konċentrazzjoni jew memorja; li hu wkoll imsejjaħ bħala ‘brain/fibro fog’.

Diversi riċerkaturi jaħsbu illi din il-kundizzjoni jista’ jkun tiżviluppa minħabba li jkun hemm diżordni fis-sistema ta’ kif il-ġisem jamplifika s-sinjali tal-uġigħ, li jkunu għaddejjin bejn il-moħħ u s-sinsla tad-dahar. Filwaqt li l-ġenetika jista’ jkun li żżid ir-riskju li wieħed jaqbdu din il-kundizzjoni, dawn is-sintomi jistgħu wkoll jibdew wara xi avveniment partikolari fil-ħajja ta’ dak li jkun, bħal trawma, operazzjonijiet, infezzjonijiet jew stress qawwi. F’ċerti każijiet oħrajn, dawn is-sintomi, li ħafna drabi jillimitaw drastikament il-funzjoni tal-bniedem fil-ħajja tiegħu ta’ kuljum, jistgħu jakkumulaw maż-żmien, minkejja li ma jkun hemm l-ebda ‘triggers’.

Lil-liema ġeneru ta’ nies tolqot l-iktar din il-kundizzjoni?

Il-fibromyalgia hija kklassifikata bħala diżordni ta’ esklużjoni, jiġifieri li t-tobba jaslu biex jagħmlu dijanjożi ta’ din il-kundizzjoni, wara li jkunu saru diversi testijiet tad-demm sabiex jeskludu xi kundizzjonijiet oħra li jistgħu jagħtu sintomi simili bħal tal-fibromyalgia.

Huwa magħruf illi l-fibromyalgia, taffettwa iktar lin-nisa milli l-irġiel. Kif ukoll, il-fibromyalgia għandha tendenza li taffettwa iktar nies li jkunu jbatu minn ‘tension headaches’, diżordnijiet fil-ġogi tal-ħalq, dawk li jbatu bl-‘Irritable Bowel Sydrome’, ‘lupus’, ‘rheumatoid arthritis’, u kif ukoll lil min ibati bl-ansjetà jew dipressjoni.

X’inhuma r-rimedji?

Sfortunatament, għad ma teżisti l-ebda kura direttament għall-fibromyalgia. Però, hemm xi rimedji li jistgħu jtaffu ftit mis-sintomi ta’ din il-kundizzjoni, bħall-mediċina kontra l-uġigħ, kontra fil-burdati jew in-nuqqas ta’ rqad san.

L-eżerċizzji ħfief li jżidu l-flessibilità u l-istamina, bħal yoga, mixi jew għawm, il-‘counselling’, il-meditazzjoni, u l-użu ta’ l-fiżjoterapija jew aromaterapija jistgħu wkoll jgħinu biex itaffu ftit mill-istress li tista’ tikkawża din il-kundizzjoni. Wieħed għandu jara li jnaqqas it-tipjip, prodotti li fihom il-kafeina, waqt li jiekol dieta bbilanċjata.

Jekk tixtieq tkompli ssegwi pariri mediċi relatati mas-saħħa olistika, jekk jogħġbok żur u agħfas like fuq din il-paġna ta’ Facebook.