X’hemm taħt il-parkeġġ pubbliku ħdejn l-Imdina?

Read in English.

Fis-Snin 80, xogħol ta’ skavar fir-Rabat li sar minn arkeologi mill-Università ta’ Kalifornja f’Los Angeles u mill-Grupp Arkeoloġiku Malti wassal għal tagħrif interessanti. Madanakollu, dan qatt ma ġie studjat jew ippubblikat kif xieraq. Tletin sena wara, in-noti tal-iskavi u l-fuħħar li nstabu waqt dan l-iskav arkeoloġiku, ġew studjati, u dawn offrew xejra ġdida tal-arkeoloġija taż-żmien antik Ruman. Fost l-istrutturi arkeoloġiċi tal-perjodu Ruman, instabu bosta biċċiet tal-fuħħar u oġġetti oħra li jipprovdu ħjiel dwar il-ħajja ta’ kuljum tal-antenati tagħna.

Nhar il-Ġimgħa, 6 ta’ Marzu, fis-6.30pm, Heritage Malta qiegħda tistieden lill-pubbliku biex jattendi għal taħdita minn Dr Maxine Anastasi, li se tkun qed tippreżenta l-ewwel informazzjoni li ħarġet minn studju tas-sekwenza tal-fdalijiet arkeoloġiċi li ġew identifikati u mir-riċerka tal-fuħħar li nġabar mill-post. It-taħdita se ssir ġewwa s-sala awdjo-viżiva tal-Katakombi ta’ San Pawl. Parteċipazzjoni bla ħlas.

Dr Maxine Anastasi hija Lettur tal-Arkeoloġija Rumana fid-Dipartiment tal-Istudji Klassiċi u l-Arkeoloġija tal-Università ta’ Malta. Hi pparteċipat f’numru ta’ proġetti ta’ skavi li ġew organizzati mill-università, fosthom dawk ta’ Tas-Silġ u Għar ix-Xiħ. Bħalissa hija qed tieħu ħsieb ukoll it-taħriġ tal-iskavar tal-università li qiegħed isir fis-sit tal-villa Rumana fiż-Żejtun u Tas-Silġ f’Marsaxlokk.

Għal aktar informazzjoni, żur is-sit www.heritagemalta.org