X’inhuma r-regoli li jridu jimxu magħhom il-ħwienet tas-sbuħija?

Wara li madwar tliet ġimgħat ilu, reġgħu fetħu r-ristoranti u l-ħwienet wara li dawn kellhom jagħlqu f’Marzu minħabba l-imxija tal-coronavirus, il-Ministeru għas-Saħħa ppubblika għadd ta’ regoli li dawn il-ħwienet iridu jieħdu ħsieb jimxu magħhom, bħala prekawzjoni.

Fil-każ tal-beauticians, dawn iridu jaraw li:

  • Kemm jista’ jkun jużaw apparat li jista’ jintuża darba u jintrema
  • Pedicures: il-bowls għandhom jiġu diżinfettati u jiżżarmaw kull darba li jintużaw
  • Trattament tal-wiċċ: Waxing tas-suf, shaping jew threading tal-ħuġbejn jista’ jsir, iżda l-beautician trid tilbes ingwanti ġodda għal kull klijent; jekk tintuża pinzetta din trid tiġi sterilizzata wara kull klijent
  • Eyebrow threading: irid isir bis-swaba’ biss
  • It-tqaxxir tas-suf b’magni tal-elettriku għandu jsir b’labra sterilizzata
  • Trattamenti li joħolqu l-fwar m’għandhomx isiru
  • Make-up: jista’ jsir fuq il-klijenti, imma għandhom jintużaw il-lapes tal-għajnejn, il-mascara, il-lipstick u l-brushes tal-klijent stess; sakemm jiġu rtukkjati l-għajnejn, il-klijenti għandhom jilbsu maskra u jneħħuha biss meta jkun qed isirilhom il-make-up f’xufftejhom, dan jista’ jdum kwarta biss
  • Massages: jistgħu jsiru ladarba l-klijenti jilbsu maskra
  • Gel polish permanenti: il-basecoat, il-kulur u t-topcoat għandhom jitpoġġew fuq palette sabiex ma jkunx hemm kontaminazzjoni minn persuna għal oħra; inkella l-klijenti jistgħu jixtru tagħhom stess
  • Make-up semipermanenti jew microblading: il-beautician trid tilbes ġagaga tat-tobba, kappa f’rasha, maskra u ingwanti; huwa rakkomandat li l-klijent jilbes maskra u kappa waqt it-trattament; jekk it-trattament jiskorri l-15-il minuta, it-terapista trid tilbes maskra u visor; huwa rakkomandat li jkun hemm il-perspex bejn it-terapista u l-klijent
  • Facials u eyelash extensions: it-terapista trid tilbes maskra u visor u hu rakkomandat li jkun hemm il-perspex bejniethom
  • Jekk fit-trattament, il-klijent ikollu jneħħi l-maskra, dan irid ikollu oħra ġdida miegħu sabiex jilbes din wara li jintemm it-trattament.

L-awtoritajiet tas-saħħa enfasizzaw li jekk it-trattament idum aktar minn kwarta, it-terapista għandha tilbes maskra u visor, u l-klijent irid jilbes maskra sakemm it-trattament ma jinvolvix il-parti tal-wiċċ mgħottija bil-maskra. F’dawn il-każijiet, huwa rakkomandat, fejn possibbli, li jkun hemm il-perspex bejn il-klijenti u l-beauticians.

Ir-regoli għall-ħwienet kollha japplikaw ukoll għall-ħwienet tas-sbuħija:

  • Fil-ħanut hija permessa persuna kull 10 metri kwadri, apparti l-impjegati
  • Għandu jitwaħħal il-perspex fiż-żona tar-reception (għoli żewġ metri mill-art)
  • Is-siġġijiet tal-klijenti għandhom ikunu tal-anqas żewġ metri ‘l bogħod minn xulxin
  • Iridu jitnaddfu wara kull klijent
  • Il-hand sanitisers għandhom ikunu disponibbli fil-ħanut
  • Il-klijenti jridu jilbsu maskra jew visor il-ħin kollu
  • L-impjegati jridu jilbsu maskra medika jew tad-drapp, inkella visor
  • Affarijiet mhux essenzjali bħal magazins għandhom jitneħħew
  • M’għandhomx jiġu provduti xarbiet lill-klijenti

Apparti dan, l-impjegati għandhom:

  • Jilbsu uniformi li tinbidel u tinħasel kuljum; ilbies li jintlibes fil-ħanut m’għandux jintlibes fid-dar
  • L-awtoritajiet jirrakkomandaw li jintlibes żarbun differenti fil-ħanut jew salon
  • Ix-xugamani għandhom jinżammu ġo cupboard jew kontenitur magħluq; inkoraġġit li jintużaw xugamani li jintremew wara darba
  • L-awtoritajiet irrakkomandaw li l-beauticians iżommu d-dwiefer tagħhom qosra u ma jużawx l-acrylics
  • Xagħarhom għandu jinżamm miġbur ukoll

Aqra l-lista kollha tar-regoli hawn.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn