X’inhuma l-iktar kliem komuni li ġew imfittxija fl-2020?

X’hemm komuni bejn kif taqta’ xagħar tal-irġiel id-dar, ir-riżultat tal-elezzjonijiet u kif tapplika s-sanitizer?

Dawn huma wħud mill-iktar kliem li ġew imfittxija matul l-2020. Ovvjamnet magħhom tiżdied il-kelma li tinsab fuq fomm kulħadd: coronavirus.

Għalkemm kulħadd jitkellem fuq il-coronavirus però n-nies fittxew aktar fuq ir-riżultat tal-elezzjonijiet. Din l-istatistika ħarġet mill-aktar kliem imfittxija fuq Google matul l-2020. Din l-istatistika ħarġet f’mod globali madankollu Malta ma tissemmix minħabba ċ-ċokon tagħha.

L-aktar tfittxijiet li saru fil-kategorija tal-aħbarijiet kienu r-riżultat tal-elezzjonijiet u l-coronavirus. Il-kelma Coronavirus issuperat ir-riżultat tal-elezzjonijiet f’Marzu u April filwaqt li l-elezzjonijiet laħqu l-massimu tagħhom f’Ottubru. Matul din is-sena t-Taljani kienu iktar kurjużi fuq il-coronavirus.

Fis-sezzjoni tas-sbuħija l-aktar frażi li n-nies fittxew fuqha hija kif taqta’ xagħar tal-irġiel id-dar. Fil-bidu tal-pandemija diversi ħwienet li mhumiex essenzjali għalqu madwar id-dinja. Dan wassal biex ħafna persuni riedu jadattaw għal dawn il-miżuri u dawk li qatt ma qatgħu xagħar kellhom ifittxu kif.

Fis-sezzjoni ta’ kif tagħmel xi ħaġa l-iktar frażi li ġiet imfittxija kinet kif tapplika s-sanitizer. Hekk kif faqqgħet il-pandemija l-appelli  kienu biex kulħadd japplika s-sanitizer. Għalkemm il-maġġoranza ġieli applikaw is-sanitizer madankollu n-nies riedu jaċċertaw ruħhom li qed japplikaw is-sanitizer sew.