Hemm bosta fatturi li jwasslu persuna sabiex tiddeċiedi li trid tneħħi ħajjitha b’idejha.
Il-konsulent tal-kriżijiet, u mexxej ta’ Crisis Resolution Malta, Dr Mark Xuereb, tkellem ma’ Newsbook.com.mt dwar bosta fatturi esterni li jwasslu sabiex tittieħed deċiżjoni daqhekk fatali.
Fost il-fatturi esterni semma:
- Delinkwenza – xi ħadd li jkun inqabad mill-forzi tal-ordni wara li b’xi mod jew ieħor ikun kiser il-liġi
- Ibbuljar – persuni li jkunu vittmi ta’ bbuljar jistgħu jaslu għad-deċiżjoni li jikkommettu suwiċidju
- Ċanfir perpetwu – meta jkollok persuna li għal xi raġuni jew oħra tiġi mċanfra kontinwament, bħal pereżempju fl-iskola jew id-dar, ħafna drabi wkoll għal raġunijiet li m’għandiex kontroll fuqhom
- Drogi
- Alkoħol
- Iżolazzjoni soċjali – meta persuna tħossha waħeda jew abbandunata mis-soċjetà
- Jitilfu relazzjoni – ċertu persuni jsibuha diffiċli li jaċċettaw li r-relazzjoni li kienu fiha ntemmet ħesrem
- Umiljazzjoni – jgħaddu minn xi ħaġa li tħallihom inkwetati dwar jekk waqgħux għaċ-ċajt quddiem in-nies
Kif tinduna li persuna qiegħda f’riskju li tagħmel suwiċidju?
L-Għaqda Psikoloġika Amerikana (APA) s-sena l-oħra ħarġet b’erba’ fatturi li juru lill-persuni qrib iż-żgħażagħ li wieħed qiegħed f’riskju li jweġġa’ lilu nnifsu jew li jikkommetti suwiċidju. Dawn il-fatturi huma:
- Il-burdata tinbidel.
- Il-persuna tqatta’ ħafna aktar ħin onlajn: ir-riċerka turi li persuna żagħżugħa ma għandhiex għalfejn tagħmel iktar minn sagħtejn fuq il-midja soċjali bla waqfien.
- Tibdil drastiku fl-apparenza: l-apparenza tal-persuna tinbidel. Wieħed jibda jieħu inqas ħsieb tiegħu nnifsu.
- Akkademikament wieħed jibda jmur lura bil-mod il-mod.
X’għandek tkun taf dwar Crisis Resolution Malta?
Dr Xuereb imexxi l-unika tim f’Malta li joffri servizz ta’ appoġġ 24 siegħa kuljum. Qal li t-tim għandu linja tat-telefon (99339966) kif ukoll imejl (crisismalta@gmail.com). Spjega li dawn kollha huma għodda biex titqajjem aktar kuxjenza u titneħħa l-istigma.
It-tim għandu wkoll paġna fuq Facebook li tista’ ssibha hawn.
Dr Xuereb qal li t-telefonati jitwieġbu mill-ewwel u li s-servizz ta’ konsultazzjoni huwa b’xejn. Qal li t-tim ta’ voluntiera li jwieġbu t-telefown huma kollha professjonisti.
Jekk għaddej minn tbatija u għandek ħsibijiet dwar suwiċidju ċempel lil Crisis Resolution Malta fuq 99339966. Issib professjonisti lesti biex jgħinuk 24 siegħa kuljum.