X’inhuma d-drittijiet il-ġodda tiegħek taħt il-GDPR?

Socials

Illum daħlu fis-seħħ regoli ġodda bl-isem ta’ General Data Protection Regulation (GDPR).
Dawn se jkunu qed isaħħu d-drittijiet taċ-ċittadini fejn tidħol id-data personali tagħhom, kif ukoll jagħmluha aktar faċli li kumpaniji jiffunzjonaw b’mod aktar effettiv f’din l-era diġitali.
Fi stqarrija mill-Parlament Ewropew ġie spjegat eżatt fiex jikkonsistu dawn ir-regoli li qed jikkreaw kultura ta’ kunsens u jimmiraw għal aktar privatezza u anqas ksur u serq ta’ data.
X’inhuma d-drittijiet il-ġodda taċ-ċittadini?

  1. L-Individwi jridu jagħtu permess ċar u affermattiv sabiex id-data tagħhom tkun tista’ tiġi pproċessata
  2. L-individwi għandhom id-dritt li jirċievu informazzjoni ċara u li tinftihem faċilment dwar min qed jipproċessa d-data tagħhom, liema partijiet u għal liema raġuni
  3. Iċ-ċittadini kollha għandhom id-dritt li jitlobu li d-data tagħhom tiġi mħassra mis-sistemi
  4. Kull individwu għandu dritt li jittrasferixxi l-informazzjoni tiegħu minn fornitur ta’ servizz onlajn għal ieħor
  5. Kulħadd għandu d-dritt li jkun jaf meta d-data tagħhom kienet involuta f’każ ta’ hacking

Skont l-istqarrija, dawn ir-regoli ġodda japplikaw għall-kumpaniji ġodda kollha li qed joperaw fl-Unjoni Ewropea, anke jekk dawn il-kumpaniji huma bbażati barra mill-Unijoni Ewropea.
Dawn ir-regoli se jagħmluha possibli wkoll li kumpaniji li jabbużaw minn informazzjoni tal-utenti tagħhom ibagħtu l-konsegwenzi permezz ta’ warnings jew multi. Il-massimu tal-multa li kumpanija tista’ tirċievi tammonta għal 4% tat-total tal-qliegħ annwali.