X’inhu l-proċess biex wieħed jagħmel it-test tal-coronavirus?

swabbing center

Hemm min iħoss xi sintomu jew tnejn, imma jaħsibha darba darbtejn jekk imurx jagħmel it-test. Ara x’jirrikjedi l-proċess, pass pass, hawn taħt: 

  • Ċempel 111 jekk taħseb li għandek xi sintomi: taqtax qalbek jekk il-linja ma tkunx disponibbli xħin iċċempel, erġa’ prova. 
  • Agħti ismek, l-indirizz, l-età, in-numru tal-identità, x’sintomi għandek u n-numru tat-telefown. 
  • L-informazzjoni tiegħek tidħol fis-sistema u tintbagħat fil-hubs fejn isiru l-iswabs.
  • Tingħata ħin, ġurnata u post fejn trid tmur għas-swab. 
  • Żomm ruħek kalm, iċċaqlaqx rasek.
  • L-iswab issir fl-imnieħer b’tip ta’ cotton bud 
  • Itfa’ rasek lura
  • Kultant ikun hemm min jinfaġar ftit, imma dan ma jtellifx mir-riżultat. Hemm min ikun iktar sensittiv minn ħaddieħor. 
  • Mur lura d-dar, tmurx ix-xogħol. Ibqa’ d-dar sakemm joħroġ ir-riżultat. 
  • Il-ħaddiema tad-Dipartiment jibagħtulek SMS, imejl jew iċemplulek bir-riżultat. Ikun hemm drabi li n-numru tat-telefown jingħata ħażin. Dan iwassal għal aktar dewmien biex jitwassal ir-riżultat. 
  • Il-maġġoranza tan-nies jirċievu r-riżultat f’temp ta’ 24 siegħa.
  • Jekk tkun pożittiv, iċemplulek u jsaqsuk mistoqsijiet biex jagħmlu l-contact tracing. 
  • Grupp ieħor ta’ nies jieħdu ħsieb lil dawk pożittivi sakemm jgħaddilhom. Jaraw kif baqgħu u jikkonfermaw meta jkunu jistgħu joħorġu mid-dar.

Dan il-proċess spjegatu waqt Newsbook Q&A, Dr Tanya Melillo, konsulent tal-mediċina pubblika fit-Taqsima tal-Mard Infettiv.

Dr Melillo spjegat kif għall-ewwel, il-maġġoranza tan-nies ma jemmnux, speċjalment meta jkollhom ftit sintomi jew saħansitra jkunu bla sintomi. Oħrajn ikunu inkwetati ħafna. Fost dawn hemm dawk li jkunu jieħdu ħsieb il-ġenituri tagħhom. 

“Dejjem tkun reazzjoni ta’ xokk fil-bidu. Imbagħad inkellmuhom, nikkalmawhom, inwieġbu għall-mistoqsijiet kollha tagħhom. Nagħtuhom numru tat-telefown fejn jistgħu jċemplu. Min kien jgħix waħdu sab iżjed diffikultà, u aħna għamilna mezz li nċemplulhom aktar spiss”, kompliet tispjega Dr Tanya Melillo. 

Għandek bżonn l-għajnuna? Ara fuq liema numri tista’ ċċempel

  • 111 – Għal dawk li jħossu sintomi tal-COVID-19 jew jixtiequ iktar informazzjoni
  • 21411 411 – Għal dawk fi kwarantina mandatorja li għandhom bżonn provvista ta’ ikel u mediċinali
  • 2294 4511/2294 4504 – Biex tirrapporta lill-pulizija każi ta’ ksur tar-regolamenti dwar saħħa pubblika u l-Covid-19
  • 1772 – Għal dawk li jħossuhom waħedhom
  • 1575 – Għall-ħaddiema biex jistaqsu dwar pagi u kundizzjonijiet ta’ xogħol
  • 1576 – Għal min iħaddem biex jistaqsu dwar pagi u kundizzjonijiet ta’ xogħol
  • 153 – Għal dawk li jridu tagħrif dwar il-miżuri fil-pakkett finanzjarju li qed jiġu amministrati mid-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali
  • 144 – Għal dawk li jridu tagħrif dwar il-miżuri fil-pakkett finanzjarju li qed jiġu amministrati mill-Malta Enterprise
  • 2204 2200 – Għar-residenti Maltin li nqabdu f’pajjiż ieħor u jridu jiġu lura Malta
  • 2598 1000 – Għal dawk li għandhom domandi dwar is-settur edukattiv
  • 2169 2447– Għal lukandiera u turisti li għandhom domandi dwar il-miżuri mħabbra
  • 2590 3030 – Għall-anzjani mingħajr sapport li għandhom bżonn mediċini, ikliet lesti jew prodotti tal-ikel (frott u ħaxix)
  • 2546 9111 – Għal dawk li jaħdmu fl-industrija tal-gaming

Rappurtaġġ addizzjonali: Liz Cutajar

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn