X’inhu l-futur tal-Formula 1?

Bernie Ecclestone, li kien il-kap eżekuttiv tal-Formula 1, qal li l-kampjonat tal-Formula 1 ta’ dan l-istaġun għandu jkun ikkanċellat għax ma jaħsibx li jistgħu jitlestew biżżejjed tiġrijiet biex din tkun valida. It-tmien rawnds tal-ftuħ tal-istaġun 2020 ġew ikkanċellati jew posposti. Hemm  dubji dwar kemm l-14-il tellieqa oħra li fadal jistgħu jitkomplew minħabba l-pandemija tal-koronavirus.

Hu magħruf li biex il-kampjonat ikun validu jridu jinżammu mill-inqas tmien tiġrijiet. Skont Bernie Ecclestone dan mhux se jkun possibbli din is-sena. S’issa ġew posposti t-tlielaq fl-Awstralja, Bahrain, Vjetnam, Ċina, Olanda, Spanja, Monaco u dik fl-Azerbajġan.

“Għandna nwaqqfu  l-kampjonat ta’ din is-sena u nisperaw li nerġgħu nibdew is-sena d-dieħla għax ma nistax nara li se jkun possibbli li nġibu l-ammont korrett ta’ tiġrijiet f’dak li jgħodd għal kampjonat,” qal ir-raġel ta’ 89 sena fuq il-BBC. “Hija sitwazzjoni diffiċli.”

Jekk it-tiġrijiet jimxu ’l quddiem, Lewis Hamilton tal-Ingilterra se jipprova jilħaq ir-rekord ta’ Michael Schumacher tas-seba’ titli ta’ sewwieqa, għalkemm kien hemm suġġerimenti li staġun b’inqas tiġrijiet inaqqas valur ta’ kisba bħal din.

Iżda Ecclestone, li sar missier għar-raba’ darba, qal: “Ma naħsibx li se jagħmel ħafna differenza għal Lewis. Huwa kien se jirbaħ ikun xi jkun in-numru tat-tlielaq, kemm jekk ikun tmienja, 16 jew 20. Jekk huwa kampjonat dinji u jirbaħ, imur fuq ir-rekord tiegħu u jgħid li rebaħ kampjonat dinji.”

S’issa hu magħruf li l-ebda sewwieq tal-Formula 1 ma kien milqut mill-coronavirus.