X’inhu l-futur ta’ Days of our Lives?

Inħadmu aktar minn 13,000 puntata

Ritratt: Mitchell Haaseth/NBC

Dan l-aħħar kien hemm bosta xnigħat li kien qed joqrob it-tmiem tas-soap opera Days of our Lives li bħalissa tixxandar fuq l-istazzjon Melita More.

Din is-soap opera Amerikana ilha tinħadem mill-1965 u hemm aktar minn 13,000 puntata. L-atturi protagonisti dan l-aħħar ġew mgħarfa li se jiġu rilaxxati mill-kuntratt li għandhom li jorbothom mal-produzzjoni u li għalissa se jkun qed jieqaf il-ġbid ta’ din is-sensiela minħabba li jinsabu ferm avvanzati fil-ġbid.

Dan il-fattur ħoloq bosta spekulazzjonijiet u inċertezzi fost il-kast u l-krew ta’ din is-sensiela.

B’aktar minn 13,000 puntata maħduma s’issa, din il-produzzjoni hija waħda mill-erba’ soap operas Amerikani li għadhom jixxandru. L-oħrajn huma The Bold and The Beautiful, The Young and the Restless u General Hospital.

Iżda x’inhu l-futur ta’ din is-soap opera? Ħafna li jsegwu din is-sensiela żgur li se jieħdu pjaċir isiru jafu li qed jiġi negozjat is-56 staġun li għandu jwassal sa mill-inqas sentejn oħra ta’ rakkonti u intriċċi li jseħħu fil-belt fittizja ta’ Salem.

Melita More jxandar din is-soap opera mit-Tnejn sal-Ġimgħa fis-1pm b’ripetizzjoni dakinhar stess fis-6.15pm. Il-puntati kollha jixxandru mill-ġdid is-Sibt mis-2pm il quddiem.