X’inhu ġej għall-Prinċep Harry?

Read in English.

Sorsi tal-midja tar-Renju Unit qed jirrappurtaw li r-Reġina Eliżabetta II u d-Duka ta’ Sussex għandhom jiltaqgħu nhar it-Tnejn f’Sandringham biex jiddiskutu l-irwoli futuri tiegħu u ta’ martu. Il-Prinċep jinsab fir-Renju Unit, filwaqt li martu marret il-Kanada ftit jiem wara li l-koppja ħabbret li se tieħu pass lura mill-irwoli tagħha fil-familja rjali.

Uffiċjali ta’ Buckingham Palace tkellmu mal-BBC u qalu li l-Prinċep Charles u l-Prinċep William, missier u ħu l-Prinċep Harry, għandhom jattendu għal-laqgħa wkoll. Jidher illi Charles u William kienu rrabjati ħafna ma’ Harry u Meghan, peress li saru jafu bl-aħbar 10 minuti biss qabel ħarġet fil-pubbliku.

Din il-ġimgħa ssemma kif il-membri tal-familja rjali ħassewhom imweġġgħa li ma kinux infurmati bl-intenzjonijiet tal-koppja minn qabel. Id-Duka u d-Dukessa ta’ Sussex qalu li jridu jibdew jaqsmu ħinhom bejn ir-Renju Unit u l-Istati Uniti, u li jixtiequ li jsiru indipendenti finanzjarjament.

Għad m’hemmx suġġerimenti tal-konklużjonijiet li se jintlaħqu fil-laqgħa ta’ nhar it-Tnejn, imma t-72 siegħa li r-Reġina tat lill-konsulenti tagħha biex isibu soluzzjoni jiskadu llejla.