Filmat: Jien se nieħu l-vaċċin u se nħeġġeġ lill-familti – Dr Mallia Azzopardi

Fr Joe Borg jintervista lil Dr Charles Mallia Azzopardi

Read in English.

Dr Charles Mallia Azzopardi, il-Kap tad-Dipartiment kontra l-Mard Infettiv fl-Isptar Mater Dei qal li malli l-vaċċin ikun approvat u disponibbli hu se jkun qed jara li jieħdu. Sostna li se jkun qed iħeġġeġ lill-familja tiegħu sabiex tagħmel l-istess.

Hu qal dan waqt intervista LIVE fuq Newsbook.com.mt minn Fr Joe Borg illum waranofsinhar. Dr Mallia Azzopardi qal li hija xi ħaġa ovvja li dak li jkun jibda jitħasseb dwar il-vaċċin, partikolarment meta jaf li s-soltu, vaċċini tat-tip idumu s-snin biex jinħolqu. Qal li l-vaċċin tal-coronavirus ilu jinħadem għal madwar 10 xhur u diġà hawn kumpaniji li qed jirsistu biex il-vaċċin tagħhom jibda jitqassam.

Spjega kif fejn jidħol il-vaċċin tal-coronavirus, ittieħdu żewġ short cuts. L-ewwel wieħed kien li l-kumpaniji ma sabux problemi finanzjarji biex il-pajjiżi jinvestu fl-iżvilupp tal-vaċċin. Il-pajjiżi riedu li dan il-vaċċin isir allura kien hemm ħafna investiment. Qal li x-short cut l-oħra kienet fil-mod kif jipproduċi l-vaċċin. Huma kienu qed jipproduċu biss parti mill-ġenetika tal-virus u b’hekk ikunu jistgħu jiproduċu l-vaċċin iktar malar. Qal li dan ma sarx għas-skapitu tas-sigurtà.

Dwar l-iswab test…

Fl-intervista, Fr Joe Borg u Dr Mallia Azzopardi tkellmu wkoll dwar il-protest riċenti fejn 62 persuna qed itellgħu l-Qorti lill-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne u s-Superintendent għas-Saħħa Pubblika, Prof. Charmaine Gauci minħabba l-miżuri tal-coronavirus. Fost l-ilmenti li għamlu dawn tkellmu fuq l-effiċjenza tal-iswab test.

Dr Mallia Azzopardi qal li kulħadd għandu dritt ma jaqbilx u jieħu l-pożizzjoni tiegħu dwar xi ħaġa, anke dwar il-pandemija. Qal li l-ebda test fid-dinja, inkluż l-iswab test (pcr test) m’huma preċiżi 100%.

Fr Borg semma l-esperjenza ta’ omm li qalet li ħadet lil binha għal swab test u dan ħareġ negattiv minkejja li kellu s-sintomi. Hi ddeċidiet li tagħmillu żewġ testijiet oħrajn privati u dawn it-tnejn irriżultaw pożittivi. Dr Mallia Azzopardi qal li sfortunatament dawn huma sitwazzjonijiet li jaf jiġru, minkejja li mhux xi ħaġa li tiġri frekwentament. Spjega kif il-margin of error ma jiddependix mil-laboratorju biss. Qal li jiddependi wkoll mill-mod kif jittieħed it-test. Jista’ jkun li l-iswab ma tiddaħħalx kif suppost fl-imnieħer. Qal li ġieli l-virus ikun għadu ma bediex jiżiluppa sew u fi ftit ħin jew sigħat wara l-iswab il-virus jimmultiplika ruħu u b’hekk jekk jittieħed it-test mill-ġdid joħroġ pożittiv.

“Il-maskra mhux talli tipproteġi lil ħaddieħor imma tipproteġi lilek inniffsek”

Dr Mallia Azzopardi qal li issa nafu kif tittieħed l-infezzjoni: qtar żgħar li joħorġu waqt li qed nitkellmu, nisgħolu, ngħattsu, eċċ. Qal li meta persuna tilbes maskra dawn id-droplets ma jinfirxux daqshekk. Qal li mhux talli tipproteġi lil ħaddieħor, imma tipproteġi lilek innifsek ukoll.

Spjega li jekk wieħed iħares lejn x’ġara fiċ-Ċina malli feġġet il-pandemija, minħabba l-kultura dittatorjali mill-ewwel sfurzaw lil kulħadd jilbes il-maskra. Qal li b’hekk f’Wuhan irnexxielhom jikkontrollaw il-firxa tal-virus.

Qal li iżjed kemm maskra jkollha saffi, iżjed hemm ċans li tiffiltra t-taqtir żgħir li jferrex il-virus. “Jien nemmen li kull maskra għandha xi tip ta’ benefiċċju, kemm jekk għandha ħafna saffi u kemm jekk ftit,” qal hu. Sostna li fl-isptar jużaw maskri ħoxnin fit-tul, iżda dawn jaf ikunu skomdi għall-persuni li jilbsuhom biex ikunu jistgħu sempliċiment joħorġu minn darhom.