Xibka ġdida, fekruna spiċċuta

Ritratt xokkanti juri fekruna mejta li għadha marbuta fil-plastik li qatilha.

Il-katavru tal-fekruna tal-baħar huwa dekompost kompletament – iżda x-xibka tal-plastik għadha fl-istess kundizzjoni xhur wara.

Ir-ritratt ta’ qsim il-qalb ittieħed minn kru li kien qed jiffilmja dokumentarju dwar il-ħajja fl-oċean f’Cape York Peninsular fl-Awstralja.

Kienu xxukjati u diżauppuntati b’dak li raw u ppublikaw ir-ritratt biex iqanqlu għarfien dwar il-problema dinjija tax-xbieki mormija fil-baħar.

Ir-ritratt ittieħed mill-film Blue li se jintwera fl-Ocean Film Festival fir-Renju Unit u l-Irlanda.

L-esperti jgħidu li fl-aħħar għaxar snin, mal-10,000 fekruna ġew affetwati mix-xbieki abbandunati fil-baħar fit-tramuntana tal-Awstralja.

Il-fkieren huma l-iktar affetwati għax jgħumu u jieklu fil-kurrenti li jġorru l-istess xbieki.
Ladarba jinqbdu fix-xbieki ma jibqgħalhomx ċans li jsalvaw u jistgħu jibqgħu jitkaxkru mal-kurrent għal jiem sħaħ qabel jgħerqu.

Sal-2050 hu stmat li jkun hemm iktar plastik fil-baħar milli ħut. L-esperti jgħidu li hemm miżbla fl-ibħra li qed tirdoppja kull għaxar snin.

Aktar kmieni din il-ġimgħa ġew ippublikati ritratti mit-Tajlandja ta’ xadini jilgħabu bil-boroż tal-ħelu u jpoġġu basktijiet tal-plastik fuq rashom.