Filmat: “Nhar il-Ħamis nipproponi x’għandu jsir” – Delia

Aġġornat 07:58 AM

Read in English.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia qal li nhar il-Ħamis li ġej fil-laqgħa tal-Eżekuttiv se jkun qed jipproponi x’għandu jsir biex tissolva l-kriżi li għaddej minnha l-Partit Nazzjonalista.

F’intervista ma’ Fr Joe Borg fuq Newsbook.com.mt u 103 Malta’s Heart, Delia saħaq li l-Ħamis stess trid tiġi deċiża t-triq ‘il quddiem għall-Partit Nazzjonalista. Huwa kien qed iwieġeb għall-mistoqsija dwar jekk hux se jilqa’ l-appell li jkun hemm elezzjoni għal kap tal-partit, kif suġġerit mill-eks kap Nazzjonalista Lawrence Gonzi u minn Louis Galea, li sena ilu kien ingħata l-kariga li jmexxi l-proċess ta’ riforma u tiġdid fil-PN.

Delia qal li hu ma jeskludi “xejn, qatt” imma li wieħed irid jikkalkula meta mistennija ssir elezzjoni ġenerali filwaqt li jżomm f’moħħu li kap ġdid għandu bżonn sena u nofs biex jinbena.

Dr Adrian Delia żied jgħid li sa nhar il-Ħamis se jkun qed janalizza s-sitwazzjoni bbażat fuq pariri differenti li ngħatawlu kemm minn nies fil-partit u oħrajn. Wiegħed li dak li se jiddeċiedi se jkun għall-aħjar interess tal-partit.

“Nikkunsidra vot ta’ fiduċja fost it-tesserati”

Il-Kap Nazzjonalista stqarr li jikkunsidra li jerġa’ jirrikorri għal vot ta’ fiduċja ieħor fost it-tesserati. Madanakollu esprima t-tama li jekk jirbaħ dan il-vot, dawk il-Membri Parlamentari li bħalissa ma jridux jaħdmu miegħu jibdlu d-direzzjoni.

Mill-banda l-oħra sostna li jekk it-tesserati juruh li ma jriduhx ma jagħmilx ġurnata oħra fil-kariga. “Imma nibqa’ naħdem b’ħilti kollha biex nibqa’ ngħin lill-partit u nibqa’ niġġieled il-korruzzjoni”, żied jgħid.  

Dr Delia spjega li r-raġuni tal-vot ta’ fiduċja m’għandhiex tkun il-mibegħda u l-avversarjità, “imma rridu nsibu mod kif nistgħu naħdmu ma’ xulxin, aħjar”. Saħaq li l-ebda kap ma jista’ jmexxi l-partit waħdu u ċert li jekk ikun hemm rieda tajba, “il-Partit Nazzjonalista għandu opportunità storika hekk kif il-Gvern mifni bil-korruzzjoni”.  

Dwar il-messaġġi ma’ Yorgen Fenech…

Dwar il-messaġġi bejnu u bejn Yorgen Fenech, Delia kkonferma li kien iltaqa’ miegħu qabel ma’ ħareġ li kien sid il-kumpanija 17 Black. Madanakollu ċaħad għal darba oħra li qatt irċieva flus mingħand Fenech jew li ltaqa’ miegħu wara li feġġ ismu b’rabta mal-kumpanija sigrieta f’Dubaj.

Dr Delia għadda biex ikkonferma li Fenech ġieli kkomunika miegħu, ġieli stiednu għall-ikel u li darba mar jiekol għandu flimkien ma’ xi 10 negozjanti oħra. Madanakollu enfasizza li hu qatt ma rċieva flus mingħandu, li hu mhux korrott, li Fenech ma kienx klijent tiegħu u li hu u Fenech m’għandhomx ħbiberija bejniethom.

Matul il-programm, il-Kap tal-Oppożizzjoni kkundanna aktar minn darba dak li sejjaħ bħala “ħmieġ kbir, kuljum” minn naħa tal-Gvern. Semma fost l-oħrajn il-kuntratti tal-Vitals u tal-Electrogas. “Jisirquna kuljum”, kompla jgħid Delia.

Kemm il-maġġoranza tal-Membri Parlamentari kif ukoll tal-membri tal-Eżekuttiv tal-PN esprimew sfiduċja f’Adrian Delia. Inti x’taħseb li jsir l-aħjar għall-Partit Nazzjonalista?

“ma jridux li l-Partit Nazzjonalista jittieħed minn idejn il-ħafna u jinħataf mill-ftit”

Aktar tard fuq Facebook, Adrian Delia qal li “l-eluf li jappoġġjaw lill-Partit Nazzjonalista” u li jħeġġuh biex ma jċedix “quddiem konfoffi u konġuri, jagħmlu dan għax ma jridux li l-Partit Nazzjonalista jittieħed minn idejn il-ħafna u jinħataf mill-ftit.”

L-eluf li jappoġġjaw lill-Partit Nazzjonalista u li jħeġġuni biex ma nċedix quddiem konfoffi u konġuri, jagħmlu dan għax…

Posted by Adrian Delia on Saturday, July 18, 2020