Xi toroq se jibdew jinbnew minn asfalt tar-runways – Infrastructure Malta

Read in English.

Tip ta’ asfalt li bħalissa jintuża għar-runway tal-ajruport ta’ Malta se jibda jiġi introdott f’xi proġetti ta’ Infrastructure Malta.

Kelliem għall-Infrastructure Malta (IM) qal lil Newsbook.com.mt li bħalissa qed jagħmlu studji biex jirrevedu kif isir ix-xogħol fit-toroq Maltin. Qed issir ukoll konsultazzjoni ma’ esperti barranin.

“Fost oħrajn, fl-istandards il-ġodda qed jiġu kkunsidrati t-taħlitiet ta’ asfalt li bħalissa jintalbu mill-kuntratturi li jkunu qed iwettqu xogħlijiet fit-toroq. Bħalissa, l-istandards ta’ pajjiżna jitolbu li fit-toroq jintuża asfalt tat-tip ‘paving grade bitumen’. Dan it-tip ta’ asfalt diġà huwa konformi mal-istandards Ewropej f’dak li għandu x’jaqsam kwalità tal-asfalt u tat-toroq,” qal il-kelliem.

“Madanakollu, f’toroq traffikużi ħafna f’pajjiżi oħra jintużaw ukoll taħlitiet ta’ asfalt differenti li jkunu aktar reżistenti, kemm għall-elementi tal-klima, kif ukoll għal vetturi aktar tqal. Dawn it-tipi t’asfalt aktar b’saħħithom, fosthom dak magħruf bħala ‘polymer modified asphalt concrete’, f’Malta intużaw biss mis-settur privat fuq il-gverta tal-Mitjar Internazzjonali,” kompla jgħid il-kelliem.

IM qalet li qed tippjana biex tibda tintroduċi dawn it-tipi ta’ asfalt fil-proġetti tagħha b’mod gradwali, skont fejn ikun meħtieġ. L-ewwel proġett li se jagħmel użu minn dawn it-tipi ta’ asfalt aktar b’saħħithom huwa l-Marsa Junction Project.

“B’hekk, il-korsiji ta’ fuq is-seba’ flyovers ta’ dan il-proġett se jkunu miksija b’asfalt li jirreżisti aktar għat-tibdil fit-temperatura, speċjalment meta tqis it-temperaturi għoljin tas-sjuf Maltin,” qal il-kelliem. L-asfalt għandu jiflaħ ukoll għall-pressjoni minn ammonti kbar ta’ vetturi tqal.

“Dan it-tisħiħ isir billi fit-taħlita tiegħu ikollu elastomeriċi mħallta mal-qatran biex jirrenduh aktar flessibli u reżistenti,” spjega li l-kelliem.

Reċentament fuq Facebook, il-Ministru għall-Infrastruttura Ian Borg qal li t-tliet flyovers se jkunu miksija b’saff t’asfalt kontinwu bla ebda qsim biex iservi aktar. “Għall-ewwel darba f’Malta, l-aħħar saff ta’ dawn il-flyovers se jsir b’asfalt aktar b’saħħtu li qatt qabel ma ntuża bħalu f’Malta,” qal Borg. Qal hekk wara li beda jiċċirkola ritratt li juri toqba fil-flyover li għadha kemm ġiet inawgurata fil-Marsa.

Ian Borg jgħid li l-flyover mhix bil-ħsara