Xi tjara se tilbes Meghan Markle għat-tieġ tagħha?

Bil-preparamenti u l-ispekulazzjoni issa qegħdin fl-aqwa tagħhom hekk kif qed joqrob aktar viċin id-19 ta’ Mejju, għat-tieġ irjali bejn Meghan Markle u l-Prinċep Harry, qed jikber ukoll l-għajdut dwar x’għażliet se tagħmel fejn jidħol l-ilbies. 
Fid-dinja rjali, l-għażla tat-tjara jew f’każ ta’ prinċipessa, il-kuruna li tintlibes, huwa indikattiv ħafna tal-messaġġ li wieħed ikun irid jibgħat. 
It-tjara li libset id-Dukessa Kate fil-ġurnata tat-tieġ tagħha kienet magħmula minn kważi 1,000 djamant u kienet oriġinarjament inxtrat mill-kumpanija Cartier fl-1936 bħala rigal tal-anniversarju mir-Re George VI lil martu. Tradizzjonalment, l-għarusa tilbes tjara mill-kollezzjoni tal-familja tagħha, iżda bħal Prinċipessa Diana, Kate għamlet bil-kontra. 
Fl-isfond ta’ dan kollu, l-esperta tal-ġojjellerija rjali Ella Kay qalet li hemm ċans kbir li Meghan Markle se żżanżan tjara ġdida fil-ġurnata speċjali. Jekk jiġri hekk, din tkun l-ewwel darba. Iżda fl-aħħar mill-aħħar il-Prinċep Harry huwa famuż li ma jimxix mat-tradizzjoni.
Madankollu, Kay qalet li jaf ukoll li l-Prinċep Charles jixtri t-tjara ta’ Markle. Wieħed irid jistenna sad-19 ta’ Mejju biex inkunu nafu fiċ-ċert!