Xi tfisser in-nota li jsibu mwaħħla mal-karozza ta’ Rina?

Fil-ħames puntata mis-sensiela Għada Jisbaħ Ukoll se naraw kif l-istorja ta bejn Peter u Tereża dejjem issir aktar persistenti. Tereża bejn tieħu gost bl-attenzjoni u bejn tixtieq li dan Peter qatt ma kien. Martina bħal qisha tibda tifhem ftit x’inhi s-sitwazzjoni imma bħalma jiġri f’ħafna każi, jekk ma tkunx taf l-istorja kollha sa l-inqas dettal, il-konklużjonijiet jaf ikunu ferm ħżiena!

Nathalie tinsab fis-sitt xahar tat-tqala. Rina twassalha sal-isptar għall-vista. Biss meta jiġu lura jsibu nota mwaħħla mal-windscreen tal-karozza ta’ Rina. Ma jifhmux sew xi tfisser u għaliex tħalliet hemm. Għalhekk jaħsbu sew li jmorru għand Ġulja b’din in-nota biex forsi min ħalliha jkun qed jisma’ r-radju u jidħol f’kuntatt magħhom. Jean Paul, taħt insistenza ta’ Blend, ifittex lil Nathalie biex ikellimha. Nistgħu nifhmu li din Blend għandha bħal kontroll fuq l-azzjonijiet ta’ Jean Paul.

Minkejja dan, Jean Paul verament qisu jibda jieħu nteress fil-qagħda ta’ Nathalie u dan lil Blend ma tantx jinżlilha tajjeb. Ma jonqosx li f’dan l-episodju naraw lil Lucy tagħmel xi waħda minn tagħha. Tagħtiha sew għall-ikel. Moħħha biex tara lil kulħadd jiekol l-ikel tagħha, dejjem jekk imbagħad ikunu lesti li jfaħħruhulha!

Għada Jisbaħ Ukoll jixxandar fuq TVM fit-3pm b’repetizzjoni llejla fil-11.35pm. Il-puntati kollha ta’ matul il-ġimgħa jixxandru fuq TVM2 għada s-Sibt minn 11am ‘il quddiem.