Xi tfisser il-bewsa li nagħtu f’nofsillejl?

Waħda mill-affarijiet li bosta jkunu qed jistennew bi ħġarhom illum mat-tokki ta’ nofsillejl hija bewsa mingħand xi maħbub jew maħbuba.
Minn fejn bdiet din it-tradizzjoni ta’ lejliet l-ewwel tas-sena?
It-tradizzjoni jingħad li bdiet lura fil-Medju Evu. F’dak iż-żmien, il-Ġermaniżi u l-Ingliżi kienu jemmnu li l-ewwel persuna li tara fil-bidu nett tas-sena l-ġdida kienet se tkun il-persuna li tiddeterminalek ħajtek għall-bqija tas-sena.
Għalhekk kienu jżommu viċin lill-maħbubin tagħhom hekk kif idoqq nofsillejl.
Oħrajn jgħidu li t-tradizzjoni bdiet lura fi żmien ir-Rumani tal-qedem, li kienu jħobbu jagħtu xi bewsa jew tnejn waqt il-festa ta’ Saturnalja.
X’jiġri jekk tibqa’ bla bewsa lejliet l-ewwel tas-sena?
Ħafna jgħidu li jekk wieħed jibqa’ bla bewsa mill-maħbub jew maħbuba tiegħu, jista’ jindika li jkollhom problemi fir-relazzjoni matul is-sena l-ġdida. 
Jekk m’għandek lil ħadd għall-bewsa tal-ewwel tas-sena tinkwieta xejn. Tgħanniqa ħelwa ma’ xi persuna importanti għalik jew inkella bewsa jew tnejn fuq il-ħaddejn, tfisser ħafna wkoll.
Imma l-bews għaliex hu daqshekk importanti għall-bnedmin?
Primarjament, il-bews huwa forma kif il-bnedmin juru l-affezzjoni tagħhom lejn xulxin.
Jingħad li l-ħtieġa li tagħti xi bewsa tiġi kawża ta’ kimika fil-ġisem. Mara kapaċi tinduna jekk raġel hux tajjeb għaliha hekk kif tersaq viċin tiegħu għal xi bewsa. 
Minkejja dan, skont studju li sar lura fl-2015, il-bews intimu huwa komuni biss f’46% tal-kulturi umani.