Xi skop għandu r-Randan għalik?

Tifhem ir-raġuni għalfejn dan iż-żmien?

Randan, Kristu msallab

“Qed tagħmilha tar-Randan int?” staqsa Daniel lil sieħbu biex jara joffrilux xi biċċa ċikkulata. Bejn gidma u oħra miċ-ċikkulata sieħbu wieġbu, “Mela hawn xi ħadd għadu jagħmilhom dawk l-affarijiet! Illum min ma jiħux ċikkulata ma jiħux minħabba d-dieta mhux minħabba r-Randan. Iddaħħaqni int!”

Illum il-ġurnata aħna ż-żgħażagħ imdawrin b’ħafna informazzjoni dwar kollox. F’temp ta’ kwarta tqalleb fl-istories ta’ Instagram tkun rajt x’għamlu madwar 40 persuna fil-ġurnata tagħhom. Min jurik xi jkun kiel, min jurik x’libes, waħda tgħid ‘Happy Birthday’ lil ħabibitha, u l-oħra tefgħet quote li laqtitha, wieħed javżak li mar it-training u l-ieħor jixxerja meme tajba li sab.

Taqleb għal fuq Facebook … u tara artiklu bl-aħħar informazzjoni fuq il-coronavirus u video ħelu ta’ kelb jilgħab ma’ tarbija. Fil-grupp ta’ Whatsapp xi ħadd tefa’ meme tajba oħra, u inti malajr tibgħatilhom dik li niżżilt fuq il-mowbajl tiegħek. Tidħaq tnejn u wara ftit tinsa kollox. Tmur biex tiekol u ssib platt ravjul għax “illum il-Ġimgħa u fir-Randan ma niklux laħam nhar ta’ Ġimgħa”. Ħabat tajjeb, imma, għax ma kellekx aptit laħam illum!

Hawn Malta, ħafna tfal sa minn età żgħira jkunu esposti għal tagħlim Nisrani permezz tad-duttrina jew il-lezzjonijiet tal-MUSEUM. Ngħiduha kif inhi, ma jkunux ħadu dan it-tagħlim għax talbuh huma. Infatti huma diversi ż-żgħażagħ (u anki l-adulti) li l-aħħar forma ta’ formazzjoni fil-fidi li jkunu ħadu kienet fl-aħħar lezzjoni qabel il-Griżma tal-Isqof meta kellhom 12-il sena. Ħasra tara raġel jew mara ta’ 20, 35 jew 60 sena li għadhom bl-istess livell ta’ spiritwalità ta’ tifel jew tifla ta’ 12-il sena!

L-ispirtwalità hija xi ħaġa li għandna nkomplu niskopru dwarha u nkabbruha biex b’hekk insiru persuni iktar sħaħ. Bħal f’kollox, ma tistax timxi ’l quddiem jekk wieqaf. 

Hawn nixtieq nistaqsik: xi skop għandu r-Randan għalik? Tifhem ir-raġuni għalfejn dan iż-żmien? 

Jekk ma għandekx tweġiba għal dawn il-mistoqsijiet inħeġġek tieħu interess, fittex u staqsi dwarhom. Għaliex x’jiswa li jkun ġie r-Randan u l-Ġimgħa l-Kbira u l-Għid il-Kbir u forsi wkoll mort sal-quddies … imma mbagħad wara ftit tinsa kollox?

Dan l-artiklu huwa parti mill-magazine Flimkien, edizzjoni t’April 2020. Tista’ tara l-verżjoni sħiħa ta’ FLIMKIEN billi tagħfas hawn.