27 immigrant arrestati għax qajmu rvell fiċ-Ċentru ta’ Ħal Safi

Aġġornat 02:43 PM
CMRU

Read in English.

Il-Pulizija qed iżżomm 27 immigrant wara li dawn ikkawżaw ħsarat fiċ-Ċentru ta’ Detenzjoni f’Ħal Safi meta qajmu rvell tul il-lejl. Ħamsa minn dawn il-persuni miżmuma ġew arrestati wara li ħarbu u nqabdu kollha mill-Pulizija.

Kelliem għall-Pulizija informa lil Newsbook.com.mt li kien għall-ħabta tas-2am li ntalbet l-assistenza tal-pulizija fiċ-ċentru għaliex xi immigranti kienu qegħdin jaqilgħu l-inkwiet. Fuq il-post marru l-Pulizija tad-Distrett, tar-Rapid Intervention Unit (RIU) u l-iSpecial Intervention Unit (SIU), kif ukoll membri mill-Forzi Armati ta’ Malta.

L-immigranti kienu qegħdin jagħmlu l-ħsarat u jitfgħu l-ġebel fid-direzzjoni tal-ħaddiema taċ-ċentru.

Waqt li l-Pulizija bdiet tikkontrolla s-sitwazzjoni, uħud mill-immigranti weġġgħu lil seba’
Pulizija tal-RIU. Għaldaqstant, issejħu timijiet mediċi li taw l-ewwel għajnuna, u
ambulanza li ħadet lil żewġ uffiċjali tal-Korp tal-Pulizija l-Isptar Mater Dei għal aktar
assistenza medika. Aktar tard, huma ġew iċċertifikati li qed isofru minn ġrieħi gravi.

Sparatura fuq immigrant

Ħames immigranti, li aktar tard inqabdu, kienu ħarbu wara ħebbew għall-Uffiċjali tas-Servizzi tad-Detenzjoni b’ġebel u ħadid. Irriżulta wkoll li wieħed mill-immigranti maħruba ġarrab ġrieħi wara li uffiċjal tas-sigurtà ta’ kumpanija privata allegatament spara lejn immigrant b’senter li kien fil-vettura tiegħu. L-immigrant ittieħed l-isptar fejn ġie ċċertifikat li qiegħed isofri minn ġrieħi ħfief. L-uffiċjal qed jinżamm mill-Pulizija għal aktar investigazzjonijiet.

Ftit tal-jiem ilu, inqalgħet protesta matul il-lejl fiċ-Ċentru tal-Immigranti f’Ħal Far. Ħadd, iżda, ma ndarab f’din il-protesta.

Fil-lejl bejn l-14 u l-15 ta’ Settembru
Protesta mill-immigranti ta’ Ħal Far matul il-lejl