Xi prekawzjonijiet iridu jieħdu dawk li jaħdmu f’attivitajiet tal-massa?

REUTERS/Guglielmo Mangiapane

L-Awtorità Maltija għat-Turiżmu (MTA) ħarġet linji gwida li saru bl-għajnuna tas-Supretendenza tas-Saħħa Pubblika għall-organizzaturi tal-attivitajiet tal-massa, issa li tqiegħdu ċerti restrizzjonijiet fuq dawn l-attivitajiet biex titrażżan l-imxija tal-coronavirus. Dawn il-linji gwida jinkludu wkoll struzzjonijiet lill-ħaddiema bħall-wejters jew koki li jaħdmu f’dawn l-attivitajiet, sabiex dawn jaraw li jissalvagwardjaw saħħithom.

Id-dokument jgħid li għandu jiġi evitat il-kuntatt mill-qrib ma’ persuni oħra, iżda f’każ li dan ma jistax ikun, id-dokument jelenka xi regoli li għandhom jimxu magħhom il-ħaddiema.

Dawn huma:

  • Li jkun hemm għadd minimu ta’ nies preżenti f’żona f’ħin wieħed
  • Li l-breaks ma jittiħdux f’daqqa
  • Li x-xogħol isir f’naħat differenti tal-post jekk ikun possibbli
  • Li jekk possibbli, l-impjegati jitqassmu f’timijiet li jaħdmu bi skedi differenti (dan jgħin biex jekk membru tat-tim ikollu jagħmel kwarantina, il-konsegwenzi jaffettwaw lill-bqija tat-tim tiegħu u mhux lit-tim l-ieħor)
  • Jekk trid tingħata handover, din idealment issir b’mezz diġitali
  • Komunikazzjoni bejn l-impjegati ssir b’mowbajl/elettronikament minflok wiċċ imb wiċċ
  • Il-ħaddiema għandu jkollhom apparat tagħhom u mhux jużaw l-istess apparat wara xulxin
  • Il-ħaddiema għandhom jilbsu lbies protettiv jekk ikunu se jkollhom kuntatt ma’ ħaddieħor għal tul ta’ ħin, eż. maskri/visors, ingwanti, safety glasses (skont xi jkun meħtieġ)
  • Impjegati li huma persuni vulnerabbli minħabba l-età jew kundizzjonijiet tas-saħħa għandhom jingħataw l-għażla li dak li jagħmlu fuq ix-xogħol jillimita kemm ikunu esposti, pereżempju billi jgħinu fil-preparazzjoni tal-attività minflok jaħdmu ma’ fejn jirreġistra min jattendi l-attività.

Dawn l-istandards inħarġu taħt l-Att tas-Saħħa Pubblika Kapitlu 465 tal-Kostituzzjoni, iżda fihom, is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika tiddikjara li hija mhix favur li jiġu organizzati attivitajiet tal-massa, iżda ladarba dawn xorta jistgħu jsiru, inħarġu standards li għandhom jinżammu biex titħares is-saħħa ta’ dawk preżenti.

Ir-restrizzjonijiet fuq l-attivitajiet tal-massa tħabbru mid-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne nhar il-Ħamis li għadda wara diversi appelli minn entitajiet, partikolarment mill-unjins tal-ħaddiema tas-saħħa, sabiex jitħassru l-attivitajiet tal-massa kollha. Uħud minn dawn ir-restrizzjonijiet jinkludu l-ikkanċellar tal-marċi tal-festi, u skont ma ħabbret il-Kurja jumejn ilu, l-ikkanċellar tal-pellegrinaġġi kollha għall-kumplament tas-sena.

Aqra l-kumplament tal-linji gwida hawn.