Xi pilloli tal-pressjoni qed jiġu irtirati mal-UE kollha

Pilloli komuni li jintużaw għal min għandu l-pressjoni għolja qed jiġu iritrati minħabba biża’ ta’ traċċi ta’ kimika li tista’ tikkawża kanċer.

Spiżeriji madwar l-Ewropa qed jiġu avżati biex jirtiraw uħud minn dawn il-pilloli tal-valsartan.

L-Awtorità tal-Mediċini u s-Supretendent tas-Saħħa Pubblika qalu li qed isegwu sitwazzjoni li qed tiżviluppa fl-Ewropa kollha u li dwarha ġew infurmati mill-Aġenzija Ewropea tal-Mediċini.

L-awtoritajiet tas-saħħa Maltin avżaw li se jkomplu jsegwu l-informazzjoni li qed tingħata mill-EMA minn ħin għall-ieħor.

Il-valsartan hi mediċina li tintuża biex tiġi kontrollata l-pressjoni għolja u għal problemi kardjovaskulari.

Sakemm ma jinħariġx avviż ieħor, l-Awtorità tal-Mediċini qalet li l-pazjenti m’għandhomx iwaqqfu dawn il-mediċini għal għarrieda.