​Xi persuni għall-qorti wara l-istaġun tal-kaċċa fir-rebbiegħa

Saru 7,283 spezzjoni matul l-istaġun tal-kaċċa fir-rebbiegħa ta’ din is-sena li wasslu biex ħa jitressqu quddiem il-qorti għadd ta’ persuni fil-jiem li ġejjin. 
Il-Gvern fi stqarrija qal li l-ispezzjonijiet żdiedu b’madwar 2,000 fuq l-istess staġun tal-2017. 
Semma kif is-sezzjoni tal-infurzar tal-Wild Birds Regulation Unit, flimkien mal-pulizija wettqu mas-6,000 spezzjoni f’Malta u mal-1,500 spezzjoni oħra f’Għawdex. 
Semma kif hawn mat-80 uffiċjal jagħmlu dan ix-xogħol ta’ sorveljanza. Minbarra dawn, il-pulizija wettqu 667 spezzjoni fit-toroq biex jiċċekkjaw liċenzji u regolamenti marbuta mal-ġarr tal-armi. Dan wassal biex jiġu spezzjonati mas-700 kaċċatur. 
F’erba’ patrols ta’ matul il-lejl fl-istaġun li għadda, ġew lokalizzati seba’ bird callers li fuqhom bħalissa għaddejja investigazzjoni mill-pulizija waqt li tneħħew ukoll numru ta’ decoys tal-gamiem.