Xi ntqal ilbieraħ fil-laqgħa tal-Grupp Parlamentari tal-PN?

Sorsi differenti qrib il-Grupp Parlamentari tal-Partit Nazzjonalista qalu ma’ Newsbook.com.mt li l-laqgħa ta’ ħames sigħat li kellu l-Grupp Parlamentari nhar it-Tnejn, kienet “laqgħa pożittiva ħafna li matulha kulħadd tkellem bl-aktar mod miftuħ”. Il-laqgħa saret fil-Kamra tal-Oppożizzjoni fil-Parlament.

Newsbook.com.mt ilbieraħ filgħodu ħabbar li kellha ssir din il-laqgħa li kienet ilha mistennija.

Jitlaqqa’ l-Grupp Parlamentari tal-PN

“Kulħadd tkellem bil-libertà

Skont is-sorsi ta’ Newsbook.com.mt il-laqgħa tmexxiet tajjeb u b’mod prudenti ħafna mill-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia. Huwa “ħalla lil kulħadd jitkellem bl-akbar libertà” waqt li d-diversi Membri Parlamentari għamlu dan b’dak li ġie deskritt lilna bħala “mod miftuħ, skjett u no holds barred”.

Matul il-laqgħa tqajmu ħafna punti dwar il-filmati li kienu qed iduru fuq il-midja soċjali dwar inċidenti li allegatament ġraw fid-dar ta’ Dr Delia. Il-membri qalu li ma jistgħux jifhmu kif hawn min qed jipprova jwaħħal fil-Membri Parlamentari Nazzjonalisti għat-tixrid ta’ dawn il-filmati, meta huwa ċar li ma kien ħadd minnhom li seta’ ħa l-istess filmati. L-istess MPs sostnew li din l-attitudni qed tagħmel ħsara lill-PN.

Uħud semmew li kienu jistennew li l-Kap tal-PN ma jużax ċertu lingwaġġ u mġiba.

“Il-filmati kienu editjati”

Dr Delia insista li l-filmati li tqassmu kienu editjati b’mod professjonali u li anke żdied magħhom kliem (voice over) biex b’hekk tingħata “impressjoni manipulata u qarrieqa” ta’ dak li ġara.

Il-Kap tal-PN kien enfasizza l-istess ħaġa waqt intervista li kellu fuq Newsbook.com.mt. Fl-istess intervista kien qal ukoll li politiku li jinstab ħati ta’ vjolenza domestika jkollu jirreżenja.

“Mhux tenibbli” – Delia

L-aktar li spikkaw

Skont is-sorsi tagħna tnejn mill-Parlamentari li l-aktar spikkaw kienu Claudio Grech u Simon Busuttil.

Irreferew għad-diskors ta’ Dr Busuttil bħala “wieħed studjat, ibbilanċjat u ġust”. Qalu wkoll, li kemm-il darba waqt dan id-diskors, Delia deher jagħmel sinjal ta’ qbil ma’ li kien qed jingħad minn Busuttil u anke rringrazzjah.

L-Eks Kap tal-PN qal li ma kien hemm l-ebda fazzjoni ta’ Simon Busuttil fil-PN għax huwa ma għandu l-ebda xewqa li jerġa’ jkun kap tal-partit. Busuttil semma li dawk li qegħdin ixerrduha mod ieħor mhux qed jgħidu l-verità.

Membru Parlamentari ieħor li sab  appoġġ mifrux ħafna għad-diskors tiegħu kien Claudio Grech. Fid-diskors tiegħu Grech għamel analiżi “studjata ħafna” tas-sitwazzjoni waqt li enfasizza fost l-oħrajn, l-istrateġija li għandu juża l-partit. Delia wera l-apprezzament tiegħu għall-analiżi li għamel Grech.

Xewqa espressa minn diversi kelliema kienet li Delia jkabbar iċ-ċirku ta’ dawk ta’ madwaru u ta’ dawk li jiddiskuti magħhom.