Xi negozjanti jistgħu jispiċċaw fit-triq wara Mejju – Edwin Vassallo

Id-deputat Nazzjonalista Edwin Vassallo qal li wara l-31 ta’ Mejju se tinħoloq sitwazzjoni bla preċedent għal għadd ta' negozjanti li jistgħu jispiċċaw fit-triq.
Vassallo kien qed jitkellem fid-dibattitu dwar l-Abbozz li jemenda l-Kodiċi Ċivili, fejn spjega li sa din id-data jekk ma jinstabx ftehim ma’ sid il-kera – fejn hemm tliet persuni involuti fil-kirja – il-Gvern qed jagħti lill-Bord tal-Kera s-saħħa li jieħu l-post u jirritornah lis-sid.
Huwa qal li r-realtà ta’ din il-liġi se tmiss għadd ta’ sidien ta’ ħwienet u propjetajiet u appella biex issir ġustzzija bejn is-sidien tal-kirjiet u s-sidien tal-ħwienet jew garaxxijiet.
Id-deputat Laburista Edward Zammit Lewis qal li l-Gvern irid iħares mhux biss id-drittijiet tal-inkwilin iżda wkoll tas-sidien.
Min-naħa tiegħu, id-deputat Laburista Robert Abela qal li l-abbozz jaħseb fuq il-bżonnijiet ta' kull min hu involut.
Il-kelliem tal-Oppożizzjoni Carm Mifsud Bonnici saħaq li l-ġudikant m’għandux jidħol fin-negozju bejn il-partijiet.
Id-deputat Nazzjonalista Therese Commodini Cachia qalet li l-proposta tal-Gvern li jindaħal fi ftehim privat se tirfes fuq id-drittijiet ċivili tas-sidien u l-inkwilini.