Filmat: Irridu mmorru pass lura: nagħlqu l-bars u nittestjaw lit-turisti – Il-President tal-MAPHM

Read in English.

Il-President tal-MAPHM Dr Sascha Reiff qal li l-pass li jmiss huwa li mmorru pass lura, billi jingħalqu l-bars u l-klabbs, jitwaqqfu kompletament l-attivitajiet tal-mases kbar, u t-turisti li jaslu Malta jsirilhom it-test tal-coronavirus u joqogħdu kwarantina.

Dr Reiff dan qalu waqt il-programm Newsbook Hour fuq 103 Malta’s Heart u fuq Newsbook.com.mt hu u jwieġeb għall-mistoqsijiet ta’ Fr Joe Borg dwar il-kriżi tal-coronavirus.

Il-President tal-Għaqda Maltija tal-Professjonisti tas-Saħħa Pubblika appella lill-Maltin biex jilbsu l-maskra kullimkien u ma’ kull min ikunu, jaħslu jdejhom qabel u wara li joħorġu u jżommu d-distanza bejn xulxin. Huwa wissa fuq postijiet bħall-bars u l-klabbs billi hemmhekk ikun hemm persuni miġburin flimkien li ma jkunux lebsin maskra u ma jkunx hemm distanza bejniethom. Semma kif hawn ħafna voluntiera li qegħdin jaħdmu qatigħ u fl-istess waqt, hawn nies li ma jirrispettawx il-ħidma sfiqa ta’ dawn. Huwa appella biex ikun hawn ir-rispett lejn min qed jagħmel sagrifiċċju.

Huwa tkellem fuq il-ħidma tal-MAPHM u qal li bħalissa jinsabu ffukati fuq il-coronavirus biss. Fosthom, hemm tim li jaħdem fuq l-ittestjar, tim għall-immaniġġjar tal-każijiet, timijiet fuq IT u fuq policy. Apparti dawn, hemm timijiet amministrattivi u tal-HR.

Filwaqt li kkummenta li fortunatament in-numru ta’ mwiet hu baxx ħafna, Dr Reiff fakkar fil-kumplikazzjonijiet li jistgħu jinqalgħu bil-coronavirus, li n-numru ta’ nies li jkollhom bżonn jidħlu l-isptar minħabba mard serju u anke mwiet idumu xhur biex jibdew jidhru. Semma kif mill-bieraħ għal-lum, Malta tinsab l-ogħla fl-Unjoni Ewropea fejn jidħlu każijiet ta’ coronavirus. Dan qed iwassal biex għadd ta’ pajjiżi jikklassifikaw lil Malta bħala pajjiż mhux sigur għas-safar. L-aħħar tnejn fost dawn kienu l-Belġju u l-Ingilterra.

“F’Marzu morna tajjeb għax in-nies obdew il-miżuri”

Dwar il-miżuri meħudin bħalissa, Dr Reiff qal li “F’Marzu morna tajjeb għax in-nies imxew mal-pariri li tajna u obdew il-miżuri. Kont toħroġ barra u ftit tara nies li ma jilbsux maskra u ma kontx tara nies f’massa. Imma issa ħadd mhu qed jinkwieta. Ħadd mhu jgħid li rridu nagħmlu lockdown. Ħadd mhu jgħid issakkar id-dar u tagħmel xejn. Imma dawk l-affarijiet li għamilna xahrejn ilu u morna tajjeb bihom, irridu nerġgħu mmorru hemmhekk. L-attivitajiet tal-massa sa 300 huma wisq, in-nies li qed jaslu minn barra jeħtieġ li naraw kif innaqqsu każijiet li deħlin. […] Hemm ħafna affarijiet li nistgħu nagħmlu mingħajr ma nagħmlu ħafna restrizzjonijiet. Kulħadd irid igawdi s-sajf u jiġi lura għan-normal imma kulħadd irid jagħmel il-parti tiegħu, jagħmel ftit sagrifiċċju u noqogħdu attenti.”

Rigward l-emerġenza ta’ saħħa pubblika, huwa qal li l-miżuri meħtieġa bħalissa mhumiex ta’ barra minn hawn, imma se jkun inevitabbli li nispiċċaw f’sitwazzjoni ta’ emerġenza.

“Mhux se niċċelebraw l-ewwel tas-sena bħas-soltu”

Dr Reiff qal li hawn żbilanċ bejn l-ekonomija u s-saħħa u t-tobba qed jappellaw biex dan l-iżbilanċ jiġi kkoreġut. Huwa bassar li s-sitwazzjoni kurrenti se tibqa’ magħna għax-xhur li ġejjin żgur. Qal li żgur li mhux se jkollna ċelebrazzjonijiet tal-ewwel tas-sena bħalma jkollna s-soltu. Il-Milied u s-sena l-ġdida jistgħu jitgawdew, qal Dr Reiff, jekk in-nies joqogħdu attenti sabiex l-għadd ta’ każijiet attivi jitbaxxa u nerġgħu f’sitwazzjoni bħalma konna f’Ġunju li fiha wieħed jista’ jiltaqa’ mal-ħbieb u jmur ġo ristorante, iżda mhux f’attivitajiet tal-massa.

Dwar l-influwenza

Il-President tal-MAPHM tkellem ukoll fuq l-importanza li din ix-xitwa kulħadd jieħu l-vaċċin tal-influwenza, anke jekk qatt ma ħadu qabel, sabiex dan jipprevjeni li wieħed jaqbduh l-influwenza u l-coronavirus f’salt.

Rappurtaġġ addizzjonali: Liz Cutajar

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn