Xi jmiss wara l-arrest tal-bieraħ?

Miguela Xuereb

Read in English.

L-investigazzjonijiet tal-Pulizija fil-każ tal-qtil doppju f’Tas-Sliema bħal-lum tmint ijiem għadhom għaddejjin wara li lbieraħ sar l-arrest ta’ raġel f’rejd fil-Furjana.  Il-lenti issa qed iddur fuq it-tfittxija għal żewġ persuni oħra u l-interrogazzjoni ta’ dak arrestat ilbieraħ. 

Newsbook.com.mt tkellem ma’ espert fil-qasam kriminali dwar ix-xenarji li jkunu qed jaħdmu fuqhom l-investigaturi f’dan il-mument tal-investigazzjoni.  

Żewġ fatturi kruċjali fil-proċess investigattiv kienu li tiġi stabbilita l-identità tal-persuni li wettqu r-reat u l-evidenza li torbot lill-individwi mal-każ. Analiżi minn dak li sar magħruf sa issa, tindika li ċ-ċavetta li wasslet għall-iżblokk ta’ dan il-każ kienu r-ritratti miksuba minn kameras tas-sigurtà u l-karrozza li ntużat mill-allegati aggressuri. 

Tiċpis ta’ demm mal-karozza

L-espert forensiku li tkellem ma’ Newsbook.com.mt spjega li s-sejba tal-karrozza f’post relattivament pubbliku u l-kundizzjoni li nstabet fiha, kienu elementi sorprendenti fl-investigazzjonijiet. Tenna li l-karozza possibilment hija sors ta’ ħafna evidenza kruċjali. Fisser li din l-evidenza tista’ tinkludi tiċpis ta’ demm li jista’ jkun kemm tal-aggessuri u tal-vittmi jew tat-tnejn, marki tas-swaba’ u dak kollu li jista’ jindika d-DNA tal-persuni involuti. Id-DNA tibqa’ l-element definittiv. 

Hu mifhum li l-pulizija għaddejja bil-ħidma tagħha biex tillokalizza liż-żewġ persuni l-oħra involuti fil-każ u li qed jitqiesu bħala persuni magħrufa mal-pulizija. Dawn l-investigazzjonijiet ikunu qed isiru wkoll fl-isfond tal-interrogazzjoni li se ssir mal-arrestat.

“Għalkemm wieħed japprezza li l-interrogazzjonijiet ikunu qed jieħdu l-proċess tagħhom, wieħed jifhem li dawn ikunu qed jiffokaw fuq il-mottiv tal-każ li għadu mhux stabbilit kif ukoll jekk l-aggressuri jkunux ħadmu minn rajhom jew ikunux ġew imqabbda minn xi ħadd”, żied jgħid. 

Il-fażi tal-interrogazzjoni hija waħda kruċjali ħafna għal għadd ta’ raġunijiet, fosthom il-livell ta’ koperazzjoni minn naħa tal-arrestat dwar dak li jkun qed jiġi mistoqsi. 

Il-qtil ta’ Dr Chris Pandolfino u Ivor Maciejowski huwa s-sitt omiċidju din is-sena. Huma nqatlu fir-residenza tagħhom f’Tas-Sliema. 

L-arrest sar it-Tlieta waranofsinhar mit-Taqsima tal-Investigazzjonijiet Kriminali tal-Pulizija u dawk tal-RIU.

F’ Novembru tal-2017, l-arrestat kien involut f’serqa li saret mill-ħanut Diamonds International f’Tignè.F’dik is-serqa insterqu €300,000. Huwa kien ipprova jidħol f’żona ristretta tal-Ajruport Internazzjonali.