Xi jfisser li qed jonqsu l-każi pożittivi ġodda?

Dr Tanya Melillo, konsulent tal-Mediċina Pubblika fit-Taqsima tal-Mard Infettiv qalet li n-numri qed jilagħbu, u li qed ikun diffiċli biex wieħed jikkonkludi jekk ilħaqniex il-peak jew le.

Waqt Newsbook Q&A, Melillo stqarret li t-Taqsima tixtieq li n-numri jibqgħu dejjem baxxi. Dan sabiex ma jkunx hemm ħafna nies li jiġu bżonn l-isptar u jkollhom bżonn kura intensiva, minħabba li dan jista’ jwassal biex ma jkunx hemm biżżejjed sodod, ħaddiema u tagħmir.

“Nippreferu li jkollna 15 kuljum milli 50”, żiedet tgħid il-konsulent.

Jekk ma jibqax ikun hemm ħafna każi, xorta rridu nżommu d-distanzi minn xulxin?

Tanya Melillo rrimarkat li għalissa kollox se jibqa’ hekk. Fissret li ‘l quddiem il-miżuri jibdew jillaxkaw bil-mod, u eventwalment kollox jiġi lura għan-normal. “Aħna ma rridux li nħasbu li kollox spiċċa u nerġgħu nimtlew bil-każijiet”, saħqet il-konsulent.

X’inhi d-differenza fl-iswabs il-ġodda? Kif qed jittieħdu?

Ġie spjegat li kulma nbidel hu l-kulur tagħhom. It-test isir bl-istess proċedura tas-soltu.

Jistgħu t-testijiet jibdew isiru fit-toroq, biex l-awtoritajiet ikollhom stampa aktar ċara tal-każi li għandna f’Malta?

“Aħna qed nieħdu kampjuni ta’ nies li tista’ tgħid huma mit-toroq, bħal health care workers, nies li jidħlu fid-djar tal-anzjani, l-immigranti f’Ħal Far, nies li ħafna drabi ma jkollhomx sintomi.  Qed nistudjaw kif qed tinxtered l-imxija”, qalet Dr Melillo.

Min ikun pożittiv għall-virus jerġa’ jiġi ttestjat? Taraw ikollhomx antibodies wara ċertu żmien?

Dażgur, biex naraw ikunux fiequ. Hemm min idum ħmistax u hemm min jieħu xahar biex ifiq. Għadna qed naraw kif jaħdmu t-testijiet tal-antibodies. Qed issir evalwazzjoni tal-kits għax qed jirriżulta li mhux ta’ min jafda fuqhom. Se nippruvaw inġibu kits differenti u nkunu nistgħu nagħmlu evalwazzjoni tagħhom biex naċċertaw li t-testijiet ikunu effettivi.

Jekk persuna jkollha l-virus u tfiq, trid tibqa’ tieħu l-prekawzjonijiet?

Iva, il-prekawzjonijiet kollha. Dan hu virus li ma tantx nafu fuqu, mhux bħall-influwenza. Ma nafux jekk persuna li tkun ħadet il-virus ikolliex antibodies għal ħajjitha kollha. Għad irid isir studju dwar dan.

Fl-esperjenza medika tiegħek, ġieli ltqajt ma’ xi virus ieħor ta’ dan it-tip?

Iltqajt ma’ ħafna viruses differenti, imma kellna ħafna sfidi b’dan it-tip ta’ virus, għax ma nafu xejn fuqu. Jidher li jinsab pass qabilna.

Għandek bżonn l-għajnuna? Ara fuq liema numri tista’ ċċempel

  • 111 – Għal dawk li jħossu sintomi tal-COVID-19 jew jixtiequ iktar informazzjoni
  • 21411 411 – Għal dawk fi kwarantina mandatorja li għandhom bżonn provvista ta’ ikel u mediċinali
  • 2294 4511/2294 4504 – Biex tirrapporta lill-pulizija każi ta’ ksur tar-regolamenti dwar saħħa pubblika u l-Covid-19
  • 1772 – Għal dawk li jħossuhom waħedhom
  • 1575 – Għall-ħaddiema biex jistaqsu dwar pagi u kundizzjonijiet ta’ xogħol
  • 1576 – Għal min iħaddem biex jistaqsu dwar pagi u kundizzjonijiet ta’ xogħol
  • 153 – Għal dawk li jridu tagħrif dwar il-miżuri fil-pakkett finanzjarju li qed jiġu amministrati mid-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali
  • 144 – Għal dawk li jridu tagħrif dwar il-miżuri fil-pakkett finanzjarju li qed jiġu amministrati mill-Malta Enterprise
  • 2204 2200 – Għar-residenti Maltin li nqabdu f’pajjiż ieħor u jridu jiġu lura Malta
  • 2598 1000 – Għal dawk li għandhom domandi dwar is-settur edukattiv
  • 2169 2447– Għal lukandiera u turisti li għandhom domandi dwar il-miżuri mħabbra
  • 2590 3030 – Għall-anzjani mingħajr sapport li għandhom bżonn mediċini, ikliet lesti jew prodotti tal-ikel (frott u ħaxix)
  • 2546 9111 – Għal dawk li jaħdmu fl-industrija tal-gaming

Rappurtaġġ addizzjonali: Liz Cutajar

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn