Xi jfisser dwarek jekk iżżejjen għall-Milied f’Novembru?

Inti wieħed jew waħda minn dawk li tħobb tibda żżejen għall-Milied minn Novembru? Issa għandek raġuni tajba. Skont l-esperti, dawn in-nies huma aktar kuntenti u eċitati dwar il-ħajja.
Il-psikoanalista Steve McKeown qal ma' ġurnal Ingliż li “għalkemm jista' jkun hemm numru ta' raġunijiet sintomatiċi għaliex wieħed iżejjen għall-Milied b'mod ossessiv minn kmieni, l-aktar komuni għal raġunijiet nostalġiċi biex jikkumpensa għal negliġenza tal-passat, id-dekorazzjonijiet tal-Milied iġibu wkoll ħafna emozzjonijiet sbieħ”. 
F'dinja mimlija stress u ansjetà, ħafna jkunu dawk li jkunu jixtiequ jassoċjaw ma' affarijiet li jagħmluhom kuntenti u d-dekorazzjonijiet tal-Milied iqanqlu dawn it-tip ta’ sentimenti. 
Id-dekorazzjonijiet huma ankra tal-emozzjonijiet maġiċi tat-tfulija u b’hekk, it-tiżjin huwa mod kif wieħed jestendi dan l-eċitament. 
Barra minn hekk, McKeown jgħid li s-sidien tad-djar li huma mżejna ħafna normalment jitqiesu bħala dħulin u l-familja tagħhom magħquda.