Xi ħaddiema jmorru lura għax-xogħol fiċ-Ċina

Il-ħaddiema reġgħu qed jirritornaw lejn l-uffiċċji u l-fabbriki madwar iċ-Ċina llum. Dan hekk kif il-Gvern naqqas ir-restrizzjonijiet fuq ix-xogħol waqt l-epidemija tal-coronavirus li sa issa qatel aktar minn 900 ruħ.

Ilbieraħ, kien hemm total ta’ 97 persuna li mietu, jiġifieri din kienet l-iktar ġurnata li fiha mietu nies minn dakinhar li nstabet l-eżistenza ta’ dan il-virus.

L-istocks fil-pajjiż u l-prezz taż-żejt ħadu tisbita, hekk kif l-għadd ta’ mwiet qabeż tip ieħor ta’ coronavirus, li kien beda epidemija globali. Dan kien magħruf bħala s-Severe Acute Respiratory Syndrome (SARS) u kien seħħ bejn l-2002 u l-2003.

Team ta’ esperti mmexxija mill-Għaqda Dinjija tas-Saħħa (WHO) illum se jasal f’Beijing biex jassisti.

Jidher li minkejja l-aħħar deċiżjoni tal-Gvern, numru sostanzjali ta’ postijiet tax-xogħol se jibqgħu magħluqa, filwaqt li hemm ħafna ħaddiema oħrajn li qed jaħdmu minn darhom.

Fl-aħħar jiem, Amerikan ta’ 60 sena miet wara li kien infettat bil-Coronavirus skont Uffiċċjali fl-Istati Uniti. Dan hekk kif miljuni ta’ Ċiniżi bdew jirritornaw lura darhom wara l-festi estiżi tal-Lunar New Year sabiex il-marda ma tinfirixx.

Filwaqt li l-maġġoranza tal-każijiet kienu fiċ-Ċina, il-virus inxtered lejn madwar 24 pajjiż ieħor barra miċ-Ċina. Saħansitra kien hemm ħames ċittadini Ingliżi li spiċċaw infettati fuq muntanja fi Franza.

L-Amerikan miet il-Ħamis f’Wuhan, li huwa l-epiċentru tal-virus u li jinsab fil-provinċja ċentrali taċ-Ċina Hubei. Dan skont kelliem għall-Ambaxxata tal-Istati Uniti f’Beijing.