​“Xi ħaddieħor żgur kien jgħinni kieku kkrollajt fit-tellieqa”

L-atleta David Gladwish, li għin atleta ttemm il-Maratona ta’ Malta ta’ ġimgħa ilu, qal ma’ Newsbook.com.mt li onestament jemmen li m’għamel xejn kbir għax xi ħaddieħor żgur kien jgħin lilu kieku kkrolla hu fil-Maratona.
Dwar ir-ritratt ta' Mark Asciak li ġibed ħafna kummenti pożittivi, David jgħid li l-attenzjoni għandha tintefa’ fuq il-mara, Josette Falzon, li ddeskriviha bħala persuna straordinarja għall-fatt li sfidat lilha nnifisha biex tkompli bil-Maratona.
Qal li kulħadd jgħin lil xulxin fil-komunità sportiva u m’għandhiex tkun xi ħaġa kbira li kulħadd jagħmel att ta’ diċenza umana lejn persuni oħra fil-bżonn.
David huwa l-fundatur ta’ Miles into Memories u bħalissa qed iħejji biex jitla’ Mount Toubkal fil-Marokk, li hi l-għola quċċata fl-Afrika ta’ Fuq.