Filmat: “Xi ħadd iddeċieda li l-kmamar tan-nar jitfagħhom kollha fl-Għarb” – is-Sindku

Is-Sindku tal-Għarb, David Apap Agius, qal li jemmen li hemm xi ħadd li ddeċieda li l-art tal-Għarb issir art għall-kmamar tan-nar.
Sostna li l-Kunsill Lokali se jibqa’ dejjem kontra kull żvilupp fuq art li mhix għall-bini (ODZ), anki jekk f’każ minnhom l-iżvilupp hu kamra tan-nar għall-istess raħal.
Bħalissa l-kunsill qed ikollu jaffaċċja żewġ applikazzjonijiet mal-Awtorità tal-Ippjanar biex jinbnew żewġ kmamar tan-nar separati, it-tnejn fuq ODZ.
Waħda mill-applikazzjonijiet, li ġiet approvata, ġejja minn nies privati, u l-oħra minn għaqda mhux governattiva f’isem id-dilettanti tan-nar fil-Għarb.
Apap Agius f’Novembru li għadda kien diġà sostna li l-permess tal-PA biex tinbena l-kamra privata hu mtappan b’abbuż ta’ poter, u Newsbook.com.mt staqsa x’jifhem biha meta jgħid hekk.
Is-sindku qal li l-politika dwar il-bini f’ODZ f’relazzjoni ma’ strutturi simili nbidlet apposta sabiex jiġu aġevolati min ikun qed japplika, u żied jgħid li l-liġi tal-Kunsilli Lokali titlob li fi kwalunkwe proposta għal żvilupp il-kunsill, f’isem in-nies, għandu jiġi kkonsultat.
Madankollu l-kunsill lanqas kien issejjaħ f’bord ta’ konsultazzjoni dwar dan l-iżvilupp. Is-sindku sostna li dan l-iżvilupp huwa wieħed maġġuri, iżda meta mistoqsi minn Newsbook.com.mt jekk il-PA tqisux bħala maġġuri, wieġeb li le.
Apap Agius innota li f’dal-bord xorta kien hemm min oġġezzjona fl-ewwel fażi, u meta ma oġġezzjonax fit-tieni stadju l-PA ħaditha li mhux joġġezzjona. Saħaq li żbaljat meta ma qisitx l-oġġezzjoni tal-ewwel stadju.
Is-Sindku qal li diġà hemm permess biex tinbena kamra tan-nar, u hu infurmat li l-permess għall-applikazzjoni tad-dilettanti tan-nar toħroġ fi żmien ġimagħtejn. Dan minbarra l-permess għal dil-kamra tan-nar privata.
Madankollu mħasseb għall-fatt li l-proċess biex jinħareġ il-permess għall-kamra tan-nar privata kien bil-wisq aktar mgħaġġel mill-oħrajn, u b’nofs ċajta sarkastika qal li jaħseb li f’dal-każ kien hemm xi naqra riħ u mexxiet il-karti.
Fil-Għarb kien sar referendum, u r-residenti kienu vvutaw sabiex ma jsirux aktar kmamar tan-nar fiż-żona tal-Għarb.
Din il-kamra tan-nar privata se tkun qed tinbena 300 metru biss ’il bogħod mill-kappella rrestawrata ta' San Dimitri u 500 minn nies, biex ma nsemmux l-għelieqi tal-bdiewa.
Fl-2010 splużjoni f’kamra tan-nar fil-Għarb ħasdet il-ħajja ta’ 6 persuni, u sentejn wara splużjoni oħra qatlet 4 min-nies.