Xi ħabsin “privileġġjati, id-Direttur jeħodhom il-baħar”

ħabs kordin
Facebook: Malta Correctional Services Agency

Read in English.

Sorsi infurmati qalu ma’ Newsbook.com.mt li xi priġunieri fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin huma privileġġjati, tant li d-Direttur tal-Ħabs Alexander Dalli ġieli ħadhom il-baħar miegħu.

Qraba ta’ xi priġunieri qalu ma’ din il-kamra tal-aħbarijiet li l-ħabsin privileġġjati huma dawk imsejħa “ta’ ġewwa” u li jaqdu lid-Direttur mill-koxxa fil-manutenzjoni tal-ħabs. Hu mifhum li f’okkażjoni minnhom, id-Direttur allegatament mar sar-Rinella bil-vann u ħa miegħu tliet priġunieri li niżlu jgħumu, bid-Direttur jaqbeż il-baħar bil-ħwejjeġ ta’ taħt.

Osservaturi li jaħdmu mal-Gvern qalu li din l-imġiba tad-Direttur Dalli tmur kontra kull etika u kontra r-regolamenti tal-ħabs u tal-Public Service Management Code (PSMC) għall-uffiċjali fis-servizz pubbliku. Saħqu li b’ċertu aġir id-Direttur qed jaqbeż il-boundaries professjonali.

X’jgħid il-PSMC fuq l-imġiba ta’ uffiċjali pubbliċi?

  • L-imġiba għandha tkun tali li ma titfax dell ikrah fuq il-pożizzjoni tagħhom u li ma tirriflettix ħażin fuq is-servizz pubbliku
  • Għandhom jirrappurtaw kull imġiba ħażina jew etikament skorretta ta’ uffiċjal pubbliku ieħor waqt il-qadi ta’ dmirijiethom.  

L-osservaturi qalu li l-PSMC inkiser ukoll mid-Direttur tal-Ħabs għax għażel priġunieri minn oħrajn.

Mistoqsijiet li Newsbook.com.mt bagħat lill-Ministeru għall-Intern dwar jekk għal din il-mawra sal-baħar kienx hemm applikazzjoni għal-leave tal-ħabs jew inkella permess speċjali mis-Segretarju Permanenti, għadhom ma ġewx imwieġba.

Kif jingħata l-leave mill-ħabs?

Madanakollu, skont il-liġi, il-Ministeru għall-Intern jista’ jagħti direttivi ġenerali li taħthom gruppi ta’ priġunieri jistgħu jitħallew joħorġu barra mill-ħabs taħt superviżjoni adegwata, biex jattendu jew jieħdu parti minn sport jew attività kulturali. Barra minn hekk leave mill-ħabs li jista’ jiġi approvat mid-Direttur, jingħata ġeneralment f’okkażjoni ta’ twelid, żwieġ, funeral, żjara lil xi qarib marid serjament jew edukazzjoni barra l-Faċilità.

X’jgħidu r-regolamenti tal-ħabs?

Skont ir-regolamenti tal-ħabs, l-uffiċjali tal-ħabs m’għandhomx jipparteċipaw f’xi attività li aktarx tfixkel il-qadi imparzjali tad-dmirijiet tiegħu, jew li tista’ tqajjem l-impressjoni fost il-pubbliku li tista’ tfixkel l-istess qadi. Lanqas għandu jkollhom imġiba li tirriżulta f’telf ta’ reputazzjoni kemm jekk ikunu fuq xogħol kif ukoll jekk frank.

“Division 18 għal dawk li jaqduh mill-koxxa”

Is-sorsi qrib Newsbook.com.mt spjegaw li d-Direttur tal-Ħabs Alexander Dalli ħoloq id-Division 18, li qiegħda għal dawk “li jaqduh mill-koxxa”. F’din id-Diviżjoni 18, bħalissa hemm erba’ priġunieri u fiha fl-ebda ħin ma jkun hemm uffiċjal korrettiv għall-kuntrarju ta’ diviżjonijiet oħra. Dawn jidħlu u joħorġu waħedhom. Id-Diviżjoni 18 ħadet post playroom u toilet li kienu jintużaw minn priġunieri li jkollhom aċċess biex jaraw it-tfal taħt superviżjoni tal-Aġenzija Appoġġ.

Din mhix l-ewwel darba li t-tmexxija kurrenti tal-ħabs ġiet ikkritikata. Newsbook.com.mt kien żvela li f’Mejju li għadda fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin saru BBQs u discos li damu sas-sigħat bikrin ta’ filgħodu, u ġie servut xorb alkoħoliku, fi kwantitajiet mhux żgħar. Waqt il-BBQs ġie sparat nar mingħajr il-permess tal-Pulizija jew polza tal-assigurazzjoni. L-attivitajiet saru għall-impjegati tal-ħabs.

Newsbook.com.mt żvela wkoll kif f’Lulju li għadda, is-Segretarju Permanenti Ewlieni investiga lment li rċieva dwar persuni li allegatament dehru deħlin fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin “jixxenglu, xurbana, fl-4am”.  Dan l-allegat każ seħħ fil-lejl ta’ bejn is-Sibt 10 ta’ Lulju u l-Ħadd 11 ta’ Lulju, f’ħinijiet “mhux meqjusa tal-uffiċċju”. 

Taqbel li d-Direttur tal-Ħabs ħa xi priġunieri l-baħar?

Ikkummenta hawn taħt jew ibagħtilna imejl fuq info@newsbook.com.mt