Xi ġralhom Man City?

Meta l-Premier League Ingliż qed joqrob lejn l-aħħar battuti tiegħu, bil-maġġoranza tat-timijiet jonqoshom jilagħbu biss 6 logħbiet, it-tim ta' Manchester City, li kien wieħed mill-favoriti għar-rebħ tal-kampjonat, jinsab maqtugħ fir-raba' post 12-il punt taħt Chelsea, li lagħbu partita inqas.
L-aħħar diżappunt wasal proprju nhar il-Ħadd meta sfaw telliefa bl-iskor ta' 4-2 fid-derby ta' Manchester kontra r-rivali tal-United, li minkejja li kellhom riżultati mħallta issa saħħew it-tielet post fit-triq lejn kwalifikazzjoni għaċ-Champions League.
Din kienet ir-raba' telfa fl-aħħar sitt logħbiet, medja li żgur mhix ta' tim li kellu aspirazzjonijiet bil-wisq ogħla. Is-City jinsabu barra mill-kompetizzjonijiet Ewropej u maqtugħin mill-ġlieda għall-Premier League. Il-persuna l-aktar taħt pressjoni huwa proprju l-coach Manuel Pellegrini li b'xi mod ikollu jiġġustifika n-nuqqas ta' riżultati b'tim mogħni bl-istilel u lista ta' wħud mill-ogħla salarji fid-dinja.
Miegħu, madanakollu, hekk ukoll numru ta' players li ma rendewx daqskemm kien mistenni. Yaya Toure, ngħidu aħna, minn pilastru ta' konsistenza sar aktar preżenti fl-aħbarijiet għall-ispekulazzjoni fuq fejn tista' tkun id-destinazzjoni tiegħu għall-istaġun li ġej.
Jidher li anki għal Manchester City wasal iż-żmien li naraw bidliet sostanzjali fl-iskwadra u possibilment anki fit-tmexxija teknika.