“Xi edukaturi ħaqqhom il-forka”: Edukaturi jirreaġixxu; ġenitur jitlob skuża

Arkivji

Wara li fuq il-midja soċjali inxtered il-kumment li l-edukaturi “ħaqqhom il-forka”, hekk kif bħalissa qed ikun ikkunsidrat u diskuss jekk l-iskejjel jiftħux jew ikomplu online għalissa, il-ġenitur li kiteb dan il-kumment talab apoloġija pubblika.

Il-ġenitur qal li l-kumment tiegħu ma kienx intiż li jinġurja jew iweġġa’ kwalunkwe għalliem li f’dawn is-sitt xhur kompla jistinka u jagħmel il-lezzjonijiet bi kwalunkwe mod kif tippermetti t-teknoloġija. Lil dawk li baqgħu għaddejjin bil-lezzjonijiet tagħhom irringrazzjahom għall-ħidma tagħhom.

Sostna li min-naħa l-oħra wieħed ma jistax jinjora li hawn min ħalla għal riħhom it-tfal li suppost kien qed jeduka u kulma jagħmel hija lezzjoni waħda biss fil-ġimgħa ta’ siegħa, biex jgħid li għamel lezzjoni online jew itella’ ftit xogħol online darba fil-ġimgħa kemm it-tfal jgħidu li għandhom il-HW x’jagħmlu. Il-ġenitur temm jgħid li hu qatt ma esperjenza dan in-nuqqas ta’ dedikazzjoni ma’ wliedu, iżda l-opinjoni tiegħu fuq is-suġġett hija riżultat tal-ħafna rabja u opinjonijiet diversi li jara fuq il-midja ta’ kuljum.

Sadanittant il-kumment inizjali li xi għalliema ħaqqhom il-forka ġab l-istmerrija ta’ diversi edukaturi. Edukaturi li tkellmu ma’ Newsbook.com.mt qalu li ħassew li l-kumment kien offensiv għall-professjoni tagħhom u ta’ theddida diretta għalihom. Huma sostnew li xħin jingħalqu l-iskejjel bosta edukaturi jmorru d-dar ikomplu x-xogħol id-dar, li jinkludi l-korezzjoni tal-HW u preparamenti għal-lezzjonijiet u riżorsi, għal kuntrarju kif iddeskriva l-ġenitur fil-kumment tiegħu.

L-edukaturi saħqu li fis-soċjetà u fuq il-midja hawn bżonn li l-pożittività ta’ din il-professjoni għandha tingħata iktar attenzjoni. Dan għaliex il-professjoni ta’ edukatur, minkejja l-isfidi kbar li taffaċċja, hija waħda ta’ importanza kbira u essenzjali għas-soċjetà.