Xi bye-laws tal-Kunsilli Lokali ilhom snin fuq l-ixkaffa

Quddiem id-Dipartiment tal-Gvern Lokali hemm 24 bye-law pendenti li ġew proposti mill-Kunsilli Lokali, li ilhom jistennew minn xhur sa snin. Hemm bye-laws li ilhom pendenti sa erba’ snin.
Newsbook.com.mt huwa nfurmat li diversi Kunsilli Lokali ilmentaw mal-Bord ta’ Governanza Lokali minħabba dewmien li kien qed ikun hemm mid-Dipartiment tal-Gvern Lokali biex jiġu proċessati bye-laws li jkunu pproponew.
Dan bil-konsegwenza li l-Kunsilli Lokali jispiċċaw jaffaċċjaw kritika inġusta huma stess.
Mill-istħarriġ tiegħu, il-Bord ta’ Governanza Lokali sab li hemm nuqqas ta’ koordinament fid-Dipartiment tal-Gvern Lokali, li wassal biex falliet is-sistema adottata fl-aħħar snin. Il-bye-laws kienu esklussivament f’idejn l-uffiċċju legali tad-Dipartiment, li kien jopera minn Għawdex u magħmul minn persuna waħda.
Fost l-oħrajn, il-Bord sab li l-Kunsill Lokali tal-Furjana ressaq bye-law f’Marzu 2011, l-ewwel tweġibha għaliha mid-Dipartiment saret f’Lulju 2012, bil-memo lid-Direttur tintbagħat f’Ġunju 2014.
Fid-dawl tal-bye-laws pendenti, il-Bord ta’ Governanza Lokali qed jordna lid-Direttur tal-Gvern Lokali biex jara li sal-aħħar ta’ dan ix-xahar, il-bye-lawskollha pendenti jkunu approvati jew irrifjutati b’raġuni valida.
Barra minn hekk, mill-bidu ta’ dan ix-xahar, l-istess Bord qed jesiġi li tibda tkun segwita l-proċedura skont kif jipprovdi l-Att dwar il-Kunsilli Lokali.
Fost l-oħrajn, il-Kunsilli Lokali għandhom jingħataw b’mod regolari t-tagħrif meħtieġ dwar fejn ikun wasal il-proċess dwar il-bye-laws li jkunu ressqu.
Il-Bord ta' Gvernanza Lokali jiġbed ukoll l-attenzjoni tad-Direttur li jekk fid-Dipartiment hemm min mhux iwettaq il-ħidma b'effiċjenza għandu jieħu passi dixxiplinarji.