Xi ambulanzi mhux joħorgu – direttiva UĦM

aċċident mutur San Ġiljan

Xi ambulanzi mhux qed joħorġu f’każijiet li ma jkunux ta’ natura gravi minħabba direttivi li ħarġet il-unjin UĦM – Voice of the Workers li b’konsegwenza tagħhom ħarġu dirretivi oħra l-infermiera.

Kelliem għall-UĦM qal ma’ Newsbook.com.mt li d-direttivi tal-UĦM daħlu fis-seħħ ilbieraħ filgħaxija. Dawn daħlu fis-seħħ minħabba li l-UĦM tħoss li l-Ministeru għas-Saħħa ma kienx qed jimxi b’mod ġust ma’ wieħed mill-ħaddiema li spiċċa ma jitħallasx.

B’solidarjetà mal-ħaddiem, il-UĦM ordnat direttivi biex l-ambulanzi joħorġu dejjem bl-infermiera. Il-kelliem spjega li normalment, f’każijiet li jkunu msejħa bħala blue code l-infermiera ma jmorrux fl-ambulanza. Każ blue code ikun wieħed fejn ma jkunx hemm bżonn għajnuna medika minnufih, bħala meta jsir transport ta’ pazjent lejn l-isptar għal xi appuntament bl-ambulanza.

Ġara li minħabba d-direttivi tal-UĦM, l-infermiera kellhom imorru fuq l-ambulanzi anke meta jkun każ blue code, ħaġa li ssoltu ma ssirx. Minħabba f’hekk, l-infermiera ħarġu b’direttiva min-naħa tagħhom biex ma jitilgħux fuq l-ambulanzi f’każijiet ta’ blue code. Minħabba ż-żewġ settijiet ta’ direttivi, allura l-ambulanzi mhux qed joħorġu f’ċertu każijiet.

Il-kelliem għall-UĦM spjega li s-servizz tal-ambulanza f’każijiet fejn ikun hemm bżonn għajnuna medika fuq il-post ma ġiex affettwat.