Xhud jobżoq fil-qorti u jeħel multa fil-każ tas-sieħba ta’ Jordan Azzopardi

Żewġ xhieda dehru l-qorti dwar attentat allegat ta’ tixħim mit-tfajla ta’ Jordan Azzopardi, u wieħed mix-xhieda weħel multa ta’ €300 talli beżaq fl-awla tal-qorti.

L-omm ta’ ħamest itfal reġgħet ġiet arrestata x-xahar li għadda wara li xhud qal li hi offrietlu €20,000 biex ma jitlax jixhed. L-allegazzjoni wasslet biex il-mara, li kienet ingħatat il-ħelsien mill-arrest, terġa’ tiġi arrestata fl-awla stess.

Raġel li hu allegatament ħabib ta’ Azzopardi, it-tfajla tiegħu u x-xhud qal fil-qorti li ħallas depożitu ta’ €4,800 biex jixtri karozza mingħand ix-xhud l-ieħor qabel ma l-karozza nħatfet mill-pulizija. Dan stqarr li meta talab għad-depożitu lura, ix-xhud l-ieħor kien qallu biex jgħid lil Azzopardi jagħtih €10,000, u hu jagħtih €5,000 minnhom.

Aqra: “Ma tixhidx jekk jagħtik €10,000?” – is-sieħba ta’ Jordan Azzopardi lil xhud

F’Ġunju, it-tieni xhud, jiġifieri dak li kien se jbigħ il-karozza lill-ewwel xhud, xehed fil-kumpilazzjoni tax-xhieda kontra Jordan Azzopardi għat-traffikar tad-droga, u spjega li hu kien jikri post f’Tal-Pietà biex jagħmlu bed and breakfast, iżda meta hu kien arrestat, Azzopardi allegatament għamel il-post tiegħu u użah bħala maħżen għad-droga.

L-ewwel xhud imbagħad kien żied it-talba tiegħu għal €20,000 u spjega li kkuntattja lis-sieħba ta’ Azzopardi, peress li Azzopardi kien arrestat. Huwa ammetta li kien hu l-ewwel li kkuntattja lill-mara. Meta mistoqsi għaliex ma kellux suspetti peress li t-tieni xhud kien qed jinvolvi lil nies oħra f’din il-biċċa xogħol, huwa qal li t-tlieta li huma kienu ħbieb tiegħu. Iżda qal li meta ma waslulux il-flus, huwa qatta’ l-karti max-xhud l-ieħor, u qal li x-xhud l-ieħor heddu u insulentah. Stqarr li hu qatt ma tkellem ma’ Azzopardi.

Aqra: Meħlusa mill-arrest is-sieħba ta’ Jordan Azzopardi

F’dal-punt, ix-xhud l-ieħor daħal fl-awla, minkejja li l-Maġistrat Doreen Clarke qaltlu li jrid jistenna barra qabel imissu hu biex jixhed. Ir-raġel beżaq mal-art hu u ħiereġ mill-awla. Meta, imbagħad, reġa’ daħal biex jixhed, il-Maġistrat spjegatlu x’għamel ħażin u tatu multa ta’ €300 talli wera nuqqas ta’ rispett lejn il-Qorti.

Dwar l-allegazzjonijiet ta’ tixħim, ix-xhud qal li partijiet terzi kienu staqsewh kemm irid flus biex ma jixhidx, u hu allegatament wiġibhom li ried €100,000. Spjega li x-xhud ta’ qablu kien ċempillu u kien tkellem mas-sieħba ta’ Azzopardi.

Aqra: Il-Qorti tordna biex it-tfajla tal-‘El Chapo ta’ Malta’ tinżamm arrestata

Ir-raġel stqarr fil-qorti li għandu għadd ta’ rikordings u li hu lest jgħaddi l-mowbajl tiegħu lill-Prosekuzzjoni biex jużawh fl-investigazzjonijiet tagħhom. L-Avukat tad-Difiża Franco Debono qal lix-xhud li x-xhud ta’ qablu kien għadu kemm qal li dan kellu jagħtih €4,000 tal-karozza, iżda x-xhud qal li l-ieħor kien ħallas id-depożitu u ħa flusu lura. Dwar il-flus li ried biex ma jixhidx, ix-xhud qal li hu ried il-flus għall-flett f’Tal-Pietà imma li kien beħsiebu jixhed xorta waħda.

L-Avukat temm jgħid li dak li qalu ż-żewġ xhieda juri li l-inizjattiva ma kinitx ta’ Azzopardi jew tal-akkużata. L-Ispettur Mark Anthony Mercieca oġġezzjona għall-ħelsien mill-arrest peress li għad fadal min jixhed fil-każ.

Aqra: It-tfajla ta’ ‘El Chapo ta’ Malta’ thedded lil xhud; arrestata mill-ġdid

Il-Maġistrat iddikjarat li se toħroġ digriet dwar it-talba għall-ħelsien mill-arrest. Il-każ għandu jkompli.