Xhud fil-ġuri jbiddel il-verżjoni tiegħu

Hekk kif illum kompla jinstema l-ġuri ta’ Ronnie Azzopardi, wieħed mix-xhieda ewlenin biddel il-verżjoni tiegħu.

Filwaqt li fil-kumpilazzjoni, Matthew Pace kien qal li hu intalab mill-akkużat biex joqtol mara, illum ċaħad dan u sostna li kien qal hekk wara pressjoni li saritlu mill-pulizija.

Ronnie Azzopardi, għaddej ġuri b’akkużi tal-qtil ta’ Angela Bondin kawża ta’ splużjoni ta’ bomba fit-18 ta’ Ġunju 2005.

Matthew Pace qal li kellu jibdel il-verżjoni tiegħu għax waqt l-interrogazzjoni, il-pulizija nfurmatu li qabel ma jammetti li kien hu li poġġa l-bomba, ma kienx se jinħeles mill-arrest.

Pace sostna kif hu ma jafx jikteb u jaqra iżda fl-istqarrija tal-pulizija hemm mistoqsijiet differenti minn kif ġew mistoqsa lilu.

Aktar kmieni illum, bdiet tixhed il-persuna li għaliha kienet intenzjonata il-bomba. Hi talbet lill-Qorti divjet fuq isimha minħabba li għad għandha tfal minorenni.

Waqt ix-xhieda tagħha, hi qalet kif wara li kellha xi tgħid mal-akkużat fuq kwistjoni ta’ wirt, hi kienet mwissija li Azzopardi kien imħajjar jixtri bomba.

Qalet ukoll kif is-soltu kienet iżżur lil ommha fl-istess ħin u ġurnata u tipparkja fil-post fejn il-bomba kienet mqiegħda oriġinarjament.

Il-ġuri qed jinstema’ quddiem l-imħallef Michael Mallia.