​Xhieda jgħidu li l-Ministru Cardona kien iltaqa’ mas-suspettati tal-assassinju ta’ Daphne; Cardona jiċħad

Skont żewġ xhieda li tkellmu mal-ġurnalisti tal-“Proġett Daphne”, il-Ministru Cardona allegatament kien wieħed minn dawk li ġieli ntlemaħ jixrob mas-suspettati tal-qtil tagħha.
Din kienet waħda mill-ewwel stejjer li l-ġurnal Times of Malta ħareġ b'kollaborazzjoni mal-konsorzju ta’ ġurnalisti internazzjonali ħarġu llum taħt il-kappa ta’ kollaborazzjoni msejħa Proġett Daphne li għandu l-għan li jibqa' jinvestiga l-istejjer tal-ġurnalista assassinata.
Membri tal-familja tal-ġurnalista Caruana Galizija sostnew ma' Proġett Daphne li l-Ministru għall-Ekonomija Chris Cardona issemma fl-inkjesta maġisterjali bħala wieħed mill-persuni li kien jiffrekwenta l-istess bar fis-Siġġiewi li fih kien ikun hemm ukoll tal-inqas wieħed mis-suspettati ewlenin bil-qtil tagħha.
L-aħwa George u Alfred Degiorgio u Vincent Muscat huma s-suspettati ewlenin bil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, liema akkużi ġew miċħuda minnhom.
"Din hija biss spekulazzjoni" – il-Ministru Cardona
Meta mistoqsi mill-istess ġurnalisti, il-Ministru Cardona qal li ma jiftakarx li qatt kellu taħditiet ma' xi wieħed mit-tliet akkużati, iżda sostna li diversi politiċi jiffrekwentaw dan il-bar fis-Siġġiewi. Ippreċiża li qatt ma kellu l-ebda laqgħa magħhom u li kull ma qed jingħad, hija biss spekulazzjoni.
Intant ġurnalisti Franċiżi li żaru l-istess bar, ikkonfermaw li skont persuna li jkun f’dan il-bar, il-Ministru Cardona huwa klijent regolari fil-weekends. Sostna li wieħed mis-suspettati bil-qtil tal-ġurnalista, żar l-istess bar ġurnata qabel ma ġie arrestat fil-Marsa fl-4 ta’ Diċembru tas-sena l-oħra. Madankollu dan is-sors qal li l-Ministru Cardona ma kienx preżenti fil-bar dakinhar.
Aqra l-istqarrija sħiħa tal-Ministru Chris Cardona hawn taħt.