X’hemm lest għal Real Madrid fil-kumplament tal-istaġun?

Paul Pogba huwa l-ossessjoni ta’ Real Madrid bħalissa għax iriduh magħhom u għalhekk, minħabba l-ispiża nvoluta, x’aktarx li t-taħditiet li kienu għaddejjin biex jiksbu wkoll lil   Kylian Mbappe u Erling Haaland ikollhom jistennew sa sena oħra.

Kull klabb jidher li hu għatxan biex ifittex jibda l-logħob mill-ġdid. Wieħed minn ta’ quddiem nett f’dan ir-rigward bla dubju hu t-tim Spanjol ta’ Real Madrid. Dawn kienu ġimgħat mill-agħar għal Zinedine Zidane li t-tim tiegħu daħal fil-lockdownn b’erba’ telfiet minn seba’ logħbiet.

L-istaġun għal Real Madrid ma marx tajjeb kif kienu ppjanawh. Inqalgħu barra mill-Copa del Rey f’logħba f’daharhom  kontra Real Sociedad u qegħdin b’saqajn waħda barra fiċ-Champions League wara li tilfu  2-1 kontra Manchester City f’Santiago Bernabeu.

Ħafna kienu qed jistennew l-għeġubijiet minn dan it-tim li fis-sajf ta’ qabel il-ftuħ tal-istaġun kienu nefqu £275 miljun  biex ingaġġjaw plejers bħal Eden Hazard, Ferland Mendy, Luka Jovic, Rodrygo u Eder Militao.

Iżda bħalissa jinsabu maqtugħa minn Barcelona b’żewġ punti meta fadal 11-il logħba x’jintlagħbu u wieħed għandu  għax jaħseb li f’dawn il-ġimgħat ta’ nuqqas ta’ logħob Zidane żgur qatt jaħseb kif se jqatta’ biċċiet lit-timijiet avversarji tiegħ u kif irid jagħti bidu u tamiet ġodda għal dawk fanatiċi għat-tim ta’ Real Madrid.

Imma tgħid it-timijiet l-oħra, ibda minn Barcelona, Sevilla u Real Sociedad, se jħalluh jagħmel dan?