X’hemm komuni bejn l-iskulturi, ir-riħ, il-qtates u l-qniepen?

L-iskulturi artistiċi pubbliċi, iddiżinjati mir-residenti ta’ Tas-Sliema, Marsaxlokk, l-Imġarr u l-Għarb se jkunu esebiti f’wirja li ġġib l-isem ta’ Il-Pinnuri.
Il-Pinnuri hi parti minn Il-Warda tar-Riħ, proġett fil-Programm Kulturali Valletta 2018 li jiċċelebra t-tradizzjonijiet u l-għerf dwar l-irjieħ f’erba’ lokalitajiet f’Malta u Għawdex.
Kull skultura f’Il-Pinnuri tirrapreżenta r-relazzjoni li l-komunità għandha mar-riħ, kif ukoll il-folklor u t-tradizzjonijiet qodma li ntirtu minn ġenerazzjoni għal oħra.
L-istejjer marbuta mar-riħ jinkludu d-direzzjoni li jieħu l-qattus meta jinħasel, id-dija u l-għamla tal-qamar, it-tokki tal-qniepen tal-knisja li jkeċċu l-irjieħ distruttivi, kif ukoll il-biża’ għall-ħajjiet mitlufa meta l-irjieħ ikunu qawwija wisq. Dawn l-istejjer kienu s-suġġett għall-iskulturi li saru u li se jkunu eżibiti fil-wirja.  
Il-fażi tal-proġett li jmiss tinkludi stallazzjoni dwar ir-riħ f’Marsaxlokk li se tittella’ f’Mejju.
Valletta 2018 qed tikkollabora ma’  The Rubberbodies Collective u Spazju Kreattiv fuq il-wirja,
Il-Pinnuri se ssir fi Spazju A fil-Kavallier ta’ San Ġakbu mil-lum sal-Ħadd l-1 ta’ Mejju.