X’hemm imħejji għas-16-il edizzjoni ta’ Birgufest

Din is-sena ser issir is-16–il edizzjoni tal-Birgufest 2019 bejn il-Ġimgħa 11 u s-Sibt 12 ta’ Ottubru, organiżżata mill-Kunsill Lokali tal-Birgu bl-għajnuna tas-Segretarju Parlamentari għall-Kultura u l-Gvern Lokali, u d-Dipartiment tal-Gvern Lokali.

Għal dawn l-attivitajiet ġie mħejji programm li jolqot diversi setturi, fosthom dak edukattiv, l-istorja ta’ din il-Belt rikka bl-istorja tagħha kif ukoll il-kultura tal-Gżejjer Maltin.  Biex jiġi organiżżat dan l-avveniment annwali u biex jibqa’ fost l-aqwa u l-aħjar u ma jnaqqas xejn mill-popoloraità tiegħu, il-preparamenti jbdew isiru minn xhur qabel, mill-Kunsill Lokali tal-Birgu mgħejjun minn bosta volontiera tal-Lokal u dan ix-xogħol kollu se jkun il-garanzija ta-tlett ijiem sħaħ ta’ attivitajiet li żgur se jkunu ta’ esperjenza għal dawk li se jattendu għalihom mhux għal dawk il-Maltin biss imma ma’ dawk il-bosta barranin li ħejjew il-vaganzi tagħhom biex iżuru il-Gżejjer Maltin għal dawn l-attivitajiet. 

Birgufest 2019 se jibda proprju nhar il-Ġimgħa 11 ta’ Ottubru matul in-nofs ta’ nhar ta’ filgħodu fejn din il-Belt ser tilqa’ madwar 1200 tifel u tifla mill-iskejjel Governattivi, Privati u anki dawk tal-Knisja minn Malta u Għawdex. Dawn se jkollhom opportunità ta’ tgaħlim fejn iżuru binjiet storiċi fosthom mużewijiet u knejjes;  kif ukoll tagħlim fuq l-istorja vasta ta’ din il-Belt. 

Dak inhar stess filgħaxija fil-Pjazza ewlenija ta`din il-Belt ser ikun hemm Bands li huma għall-gosti taż-zgħażagħ u għal dawk kollha li jħobbu mużika vasta. Din l-attività tibqa’ sejra sa’ nofs il-lejl.

Is-Sibt 12 ta’ Ottubru fil-jum tal-avveniment tant mistenni dak tal-Birgu by Candle Light nistgħu ngħidu li l-attivitajiet jibdew proprju minn kmieni filgħodu. Dak inhar fostna se jkun hawn delegazzjoni mill-belt ta’ Vignanello, fl-Italja, liema belt, il-Kunsill Lokali tal-Birgu huwa gemmellat. Matul is-serata tas-Sibt se tiġi esebita Infjorata mtella’ minn din id-delegazzjoni Taljana, liema attrazzjoni se tkun waħda unika u tal-ewwel xorta fil-gżejjer Maltin.

Minn kmieni wara nofs inhar jibdew il-preparamenti għal dik il-lejla spettakolari minnha nfisha, dik tal-Birgu by Candle light, bl-għajnuna ta’ ħafna u ħafna residenti fejn għal darb’ohra se jerġgħu jinxtgħelu aktar minn 32,000 xemgħa, li bid dawl tagħhom ser jerġgħu joħorġu s-sbuħija ta’ din il-Belt rikka u sinjura bl istorja tagħha u jpaxxu lil dawk kollha li jkunu qed iserpu mat-toroq dojoq u antiki. Se jkun preżenti diversi Bands Lokali, fosthom Sterjotipi, The Rocktrupers, u Klinsmann fost oħrajn.

Jintlahaq il-qofol ta’ din l-attività fejn madwar din il-Belt, matul din il-lejla unika, se jkun hawn diversi esibizzjonijiet, suq tal-artiġjanat, kunċerti fil-knejjes, stalls tal-ikel u divertiment għall-familja kollha.

Il-Kunsill Lokali tal-Birgu jixtieq jinforma lil dawk kollha li qed jippjanaw biex f’dawn il-ġranet ta’ dan l-avveniment speċjalment dik tas-Sibt 12 ta’ Ottubru dik tal-Birgu by Candle Light li mill-Belt (minn fejn id-Dwana l-Antika) se jkun hemm is-servizz bil-Lanċa u d-dgħajsa Maltija li jibqa’ sejjer sas-2 ta’ filgħodu (sbieħ il-Ħadd). Dawk kollha li jiġu bil- vetturi tagħhom importanti ferm li jonoraw l-ordnijiet mill-pulizija tat-traffiku fejn jigu indikati l-postijiet tal-parkeġġ. Dawn se jkunu fiż-żona ta’ Kordin (fejn il-grawnd tal-Hibs), fit-Triq Misjoni Taljana fil-Kalkara u f’Garden Road Ħaż-Zabbar fejn minn dawn iż-zoni se jkun hemm is-servizz tal-Park and Ride għall-prezz ta’ €1 kull persuna.