X’hemm għaddej fil-familja ta’ Ernest?

Illejla fl-10pm, l-istazzjon Net mistenni jxandar it-tielet puntata mis-sensiela Vittmi, l-aħħar xogħol ta’ Lino Grech.

Fl-episodju li jmiss ikompli r-rakkont minn Ernest, fejn jispjega b’dettal kbir dak kollu li kien għaddej fil-familja.

Tonio, il-ħabib ta’ Aldo,  issa sar qisu wieħed minn ta’ ġewwa, fejn issa anki t-tfal saru qishom tiegħu daqs kemm saru iħobbuh.

Min-naħa tiegħu Aldo baqa’ jewden fuq dak li ra fil-lejl ta’ qabel, meta sab lil Tonio jinfaxxa riġlejn Emma. Anki x-xogħol ma setax ineħħi minn quddiem għajnejh dak li ra u talab biex jieħu ġurnata frank. Meta mar ħdejn l-iskola ta’ uliedu, reġa’ ra xena oħra quddiem għajnejn li ħassbithu.

X’ra Aldo ħdejn l-iskola? U x’kienet il-konklużjoni tiegħu? L-għada għaliex baqa’ d-dar u ma marx għax-xoghol? U kif Emma ġiet mix-xogħol, x’aħbar ħażina taha Aldo?

Fis-sensiela Vittmi jieħdu sehem Fabian Scerri DeCarlo, Sarah Camilleri, MariaEmma Buhagiar, Kyle Scerri DeCarlo, Daniel Borg Carbott, Marvic Cordina, Godwin Scerri, Lilian Pace, Frederick Camilleri, Nadette DeCarlo, Neville Refalo, Solange Casha, Adriana DeCarlo u Ramon Camilleri.

Id-direzzjoni hi ta’ Daniel Borg Carbott u Fabian Scerri DeCarlo għal NJOY Media Entertainment.

L-episodju li jmiss minn din is-sensiela jixxandar il-Ġimgħa fl-10pm.