X’hemm ġdid fil-liġi tal-kera (Parti 2)

F’April tkellimna dwar għal liema kirjiet tapplika l-liġi l-ġdida, l-obbligu tar-reġistrazzjoni, u x’għandu jinkiteb fil-kuntratt tal-kera sabiex il-kirja titqies valida. Dan ix-xahar inkomplu niddiskutu s-suġġett f’aktar dettall. 

X’regoli ġodda hemm dwar it-terminu tal-kirja? F’każ ta’ kirja residenzjali twila, din ma tistax tkun ta’ inqas minn sena. Kull ftehim li jistipula perijodu inqas minn sena għandu jitqies li sar għal sena. Barra minn hekk, il-liġi l-ġdida tistipula wkoll li l-kirja ma tistax titwaqqaf fi kwalunkwe ħin iżda mat-terminu tal-perijodu stipulat fil-kuntratt stess, ħlief f’każijiet fejn il-kerrej ikun kiser xi waħda mill-obbligazzjonijiet tiegħu lejn is-sid. 

Minbarra dan, fi żmien mhux inqas minn tliet xhur qabel tiskadi l-kirja, is-sid tal-kirja għandu l-obbligu li jinforma lill-kerrej b’ittra reġistrata li għandha tintbagħat lill-kerrej biex javżah li l-kuntratt tal-kera wasal biex jiskadi u li huwa ma jixtieqx li l-kirja tiġġedded. Fin-nuqqas ta’ dan l-avviż mis-sid, il-kirja tiġi mġedda b’mod awtomatiku għal sena oħra. 

Min-naħa l-oħra, il-liġi toħloq bilanċ, fis-sens li l-kerrej ma jistax jirtira mill-kirja qabel jgħaddi ċertu żmien: 

  • · f’każ ta’ kirja għal perijodu ta’ inqas minn sentejn, qabel il-kerrej ikun jista’ jittermina l-kirja jridu jgħaddu sitt xhur; 
  • · f’każ li l-kirja tkun għal perijodu bejn sentejn u tliet snin, il-kerrej għandu l-obbligu li jibqa’ fil-fond għal disa’ xhur; 
  • · meta l-kirja tkun għal tliet snin jew iktar, dan il-perjodu għandu jitqies li hu ta’ tnax-il xahar. 

Dawn ir-regoli dwar meta l-kerrej jista’ jew ma jistax iwaqqaf il-kirja huma mingħajr preġudizzju għad-dritt tas-sid li jwaqqaf il-kirja anki wara ġimgħa f’każ li l-kerrej jikser xi waħda mill-kundizzjonijiet tal-kuntratt. 

Hemm xi limitu fuq l-ammont ta’ kera? Il-liġi l-ġdida tħalli f’idejn il-partijiet biex jiddeċiedu huma dwar l-ammont ta’ kera dovut mill-kerrej. Imma meta l-partijiet jaqblu dwar kemm se jkun dan l-ammont, il-kirja ma tistax tiżdied iktar minn darba fis-sena. Barra minn hekk, din iż-żieda annwali ma tistax tkun iktar minn 5% fuq il-kirja preċedenti.

Tista’ tara l-verżjoni sħiħa ta’ FLIMKIEN billi tagħfas hawn. 

Flimkien Cover Gunju